Dwar
Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien
Il-Kummissjoni SEDEC tiġġestixxi l-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien, f’kooperazzjoni mad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Il-Pjattaforma tippromovi l-iskambju ta’ soluzzjonijiet ġodda u tal-aħjar prattiki fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni billi torganizza seminars fi Brussell u avvenimenti bejn il-pari fir-reġjuni, u tospita avvenimenti li jixħtu dawl fuq ħidmietha.
Abbażi ta’ kooperazzjoni flessibbli, il-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien tippermetti djalogu effiċjenti mal-bliet u r-reġjuni Ewropej dwar kwistjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni, u trasferiment effettiv tal-għarfien espert bejn l-ekosistemi tal-innovazzjoni lokali, inklużi n-negozji, l-universitajiet u ċ-ċittadini individwali.
Wara l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt mas-servizzi tal-Kummissarju Gabriel f’Novembru 2020, il-proġett ġie kklassifikat f’livell strateġiku. Il-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien 2.0 hija allinjata mal-inizjattiva mġedda taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u hija marbuta mal-implimentazzjoni tal-programm Orizzont Ewropa.
Pjan ta’ Azzjoni Konġunt
Fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt, il-Kummissjoni SEDEC taħdem mill-qrib mal-JRC dwar is-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali, li għandhom l-għan li jiżguraw li l-reġjuni parteċipanti jkollhom l-għodod u l-metodoloġija meħtieġa biex jallinjaw l-istrateġiji ta’ innovazzjoni tagħhom mal-objettivi tas-sostenibbiltà fl-oqsma ta’ politika, il-programmi u l-fondi kollha.
Kooperazzjoni msaħħa
Barra minn hekk, il-Kummissjoni SEDEC taħdem mill-qrib mad-Direttorat tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) tal-Kummissjoni Ewropea dwar suġġetti differenti, skont il-qbil li ntlaħaq bejniethom fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Msaħħa. Dan jistabbilixxi l-oqsma ta’ politika ewlenin għal kollaborazzjoni msaħħa, bħall-Aġenda għall-Ħiliet u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ukoll l-istrumenti ewlenin li għandhom jintużaw. L-attivitajiet li jsiru b’mod konġunt bejn il-KtR u l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati – f’oqsma bħall-apprendistati u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali – huma ġestiti mis-SEDEC ukoll.
L-għan ewlieni tal-kooperazzjoni huwa li ssaħħaħ id-djalogu politiku bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet lokali u reġjonali tal-UE u li, fl-aħħar mill-aħħar, ittejjeb il-politiki relatati li jrawmu l-benesseri ekonomiku u soċjali.