Impjiegi
Il-KtR joffrilek l-opportunità li taħdem fuq l-isfidi futuri tal-UE u li tiffjorixxi f’ambjent tax-xogħol pjaċevoli li jirrispetta d-diversità tal-bniedem u jsaħħaħ il-kreattività individwali.
F’din il-paġna
#ShapingEuropeTogether
Sfidi ambizzjużi
Diversità unika
Ġestjoni tat-talenti
Opportunitajiet ta’ xogħol attwali fi ħdan il-KtR
-
Head of Sector - Network and Telecommunications
Official – AdministratorDeadline16/11/2026 -
Director for Communication
Official – Administrator (open for established officials)Deadline10/12/2026 -
Direttur għat-Komunikazzjoni
Uffiċjal - amministratur (proċedura tal-għażla miftuħ)Deadline10/12/2026
Awtonomizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huwa l-vuċi tar-reġjuni u l-bliet fl-Unjoni Ewropea. L-ebda raħal jew belt mhi ’l bogħod wisq biex titqarreb lejn il-qalb tal-politika tal-UE.
L-awtonomizzazzjoni tal-politiċi eletti lokali u reġjonali biex isawru l-leġiżlazzjoni tal-UE tippermettilna niksbu l-missjoni tagħna li noħolqu Unjoni eqreb taċ-ċittadini tagħha u bbażata fuq il-ħtiġijiet tagħhom.
Ingħaqad mal-KtR u kkontribwixxi biex l-Ewropa ssir post ideali fejn tgħix.
Iltaqa’ man-nies tal-KtR
Il-persunal tal-KtR jaħdem bla heda biex isemma’ l-vuċi tar-reġjuni u l-bliet Ewropej. X’hemm aqwa milli ssir taf direttament mingħand il-kollegi futuri tiegħek x’tinvolvi ġurnata xogħol fil-KtR?
“L-arranġamenti tax-xogħol flessibbli u kultura bbażata fuq il-fiduċja jgħinu lill-kollegi jorganizzaw ir-responsabbiltajiet professjonali u personali tagħhom b’mod effettiv. Ngħid għalija, din il-flessibbiltà hija partikolarment siewja peress li tippermettili nibqa’ impenjata bis-sħiħ fix-xogħol tiegħi u nkun preżenti wkoll għall-ħajja tal-familja u personali tiegħi.”
Ana Maria mir-Rumanija
“Napprezza b’mod partikolari l-impenn qawwi tal-membri u l-persunal tal-Kumitat biex jiksbu riżultati sinifikanti mhux biss għall-Ewropa kollha kemm hi, iżda wkoll għar-reġjuni u l-komunitajiet li jikkostitwixxu l-pedament proprju tagħha.”
Michael mill-Awstrija
“Il-KtR huwa ambjent tassew dinamiku u ta’ ispirazzjoni. Kull ġurnata ġġib magħha sfidi u opportunitajiet ġodda ta’ żvilupp. Naħdmu f’ambjent ta’ mħuħ innovattivi u f’tim ta’ appoġġ u dan jgħinna biex dejjem nipprovaw nikkontribwixxu u nevolvu. Huwa post fejn il-kreattività, il-kollaborazzjoni u l-ideat li jħarsu ’l quddiem huma ġenwinament imħeġġa.”
Marios SKOULAS
Komunità multikulturali, dinamika u diversa
Tul il-perkors professjonali tiegħek, dejjem tista’ sserraħ rasek li ssib l-appoġġ ta’ komunità ta’ esperti żgħira iżda multikulturali, dinamika u diversa. Bis-saħħa ta’ approċċ trażversali għall-ksib tal-objettivi, ikollok l-opportunità li taqsam l-għarfien tiegħek ma’ kollegi li l-isfond rikk tagħhom jirrifletti d-diversità kollha u l-potenzjal vast tal-UE.
Bħala impjegatur, il-KtR ma jiddiskriminax abbażi tal-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali. Inti tingħata opportunità indaqs biex turi l-kapaċitajiet tiegħek matul il-proċeduri tal-għażla.
Aċċessibbiltà
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jimpenja ruħu li jippromovi d-diversità, l-ekwità u l-inklużjoni. Nistinkaw biex nagħmlu l-avviżi ta’ postijiet vakanti u s-sejħiet għal espressjoni ta’ interess tagħna faċli biex jinqraw u aċċessibbli għal kulħadd, skont il-linji gwida dwar l-aċċessibbiltà tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Għandna wkoll l-għan li nipprovdu kundizzjonijiet raġonevoli għall-persuni b’diżabilità kemm matul il-proċess ta’ reklutaġġ kif ukoll fuq il-post tax-xogħol. Jekk għandek xi mistoqsijiet jew teħtieġ aġġustamenti speċjali biex tipparteċipa bis-sħiħ fil-proċess tal-għażla tagħna, ikkuntattjana fuq recruitment@cor.europa.eu.
Kundizzjonijiet tax-xogħol vantaġġużi
Il-KtR jibbilanċja l-ħtieġa li r-riżorsi tagħna jintużaw b’mod effiċjenti mal-ħtieġa li jiġu implimentati politiki moderni dwar ir-riżorsi umani li jippermettu lill-persunal tagħna jirrikonċilja l-ħajja professjonali u dik personali.
Aħna noffru kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità għolja biex niżguraw ambjent tax-xogħol stabbli u tajjeb għas-saħħa.
Strateġija Integrata għall-Ġestjoni tat-Talenti
Ma nistgħux noffrulek “impjieg għal għomrok”, però nistgħu noffru “ħajja b’impjiegi differenti”. Permezz tal-Istrateġija Integrata tagħna għall-Ġestjoni tat-Talenti, nagħtuk l-opportunità li titgħallem u tikber.
Arranġamenti tax-xogħol flessibbli, liv u vaganzi
Ħinijiet tax-xogħol flessibbli, xogħol part-time u telexogħol
24 jum ta’ vaganza (liv annwali) u btajjel pubbliċi Soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jingħataw ukoll jiem addizzjonali għall-ivvjaġġar lejn il-post tal-oriġini
Appoġġ għall-indukrar tat-tfal
Sabiex jitrawwem il-benesseri fost il-persunal, is-servizz soċjali jipprovdi sensiela ta’ servizzi lill-persunal u lill-familji tagħhom (faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal – stabbilimenti ta’ akkoljenza għat-tfal matul il-ġurnata, skejjel Ewropej, servizzi ta’ indukrar tat-tfal wara l-ħinijiet tal-iskola u matul il-vaganzi, eċċ.)
Servizz għall-familji
Uffiċċju ta’ merħba, servizz soċjali, korsijiet tal-lingwa għas-sieħeb/sieħba, eċċ.
Politika dwar is-saħħa u l-benesseri
Servizz mediku, programm għas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, politika dwar in-nutrizzjoni, id-disinn ergonomiku tal-uffiċċju, eċċ.
Avvenimenti soċjali u kulturali
Inħobbu nissoċjalizzaw! Ikollok ħafna opportunitajiet biex tiltaqa’ ma’ nies oħra. Norganizzaw ukoll avvenimenti soċjali oħra – festini tal-persunal u avvenimenti li int u l-familja tiegħek tkunu mistiedna tattendu, avvenimenti kulturali, wirjiet, konferenzi dwar suġġetti interessanti, eċċ.
Karriera fil-KtR
Il-persunal tagħna huwa magħmul prinċipalment minn uffiċjali reklutati permezz tal-listi ta’ riżerva minn kompetizzjonijiet ġenerali organizzati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal. Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jista’ wkoll jimpjega persunal temporanju jew bil-kuntratt.
Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u kuntrattwali tagħna huma bbażati fuq ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea.
Proċedura
Il-proċess ta’ applikazzjoni għal pożizzjoni fil-KtR jiddependi mit-tip ta’ kuntratt. Madankollu, sabiex tiġi rreklutat bħala uffiċjal minn istituzzjoni tal-UE, trid issegwi proċedura ta’ kompetizzjoni li tista’ tinkludi diversi eżamijiet orali u bil-miktub.
Trid issawwar l-Ewropa (#ShapingEurope)?
Żur is-sit tal-Karrieri mal-UE biex tfittex fil-bażi tad-data tal-opportunitajiet ta’ impjieg disponibbli għal pożizzjonijiet permanenti u temporanji, inklużi pożizzjonijiet għal aġenti kuntrattwali, traineeships u sekondar fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE.
Segwina
#EUcareers
#ShapingEuropeTogether