Proċess ta’ reklutaġġ

Il-persunal tagħna huwa prinċipalment uffiċjali reklutati permezz tal-listi ta’ riżerva minn kompetizzjonijiet ġenerali organizzati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal. Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jista’ wkoll jimpjega persunal temporanju jew bil-kuntratt. Il-proċess ta’ applikazzjoni għal pożizzjoni fil-KtR jiddependi mit-tip ta’ kuntratt.

© weedezign/stock.adobe.com

F’din il-paġna

Persunal permanenti

Biex tiġi reklutat bħala uffiċjal minn istituzzjoni tal-UE, trid tgħaddi minn kompetizzjoni miftuħa organizzata fil-livell interistituzzjonali mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO).

Il-postijiet battala ppubblikati mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huma maħsuba biss għall-uffiċjali li diġà qed jaħdmu fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jew fl-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE. Jistgħu japplikaw ukoll dawk li jgħaddu mill-kompetizzjonijiet tal-EPSO jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-avviżi ta’ postijiet battala.

(Għadek) M’intix uffiċjal tal-UE jew (għadek) m’għaddejtx mill-kompetizzjoni tal-EPSO? Ibda billi toħloq Kont tal-EPSO u ċċekkja jekk hemmx kompetizzjoni miftuħa għall-profil tiegħek. Jekk tipprova tapplika għal post battal ippubblikat mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni mingħajr ma tissodisfa dawn ir-rekwiżiti primarji, l-applikazzjoni tiegħek tiġi injorata awtomatikament. Kun af ukoll li jekk il-lista ta’ riżerva tiegħek ġiet ippubblikata reċentement jistgħu jiġu applikati l-kwoti. L-istituzzjonijiet tal-UE mingħajr kwota disponibbli ma jistgħux jirreklutaw persunal sakemm tiġi assenjata kwota ġdida.

Persunal temporanju

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jimpjega tliet kategoriji ta’ persunal temporanju: persunal temporanju li jokkupa postijiet temporanji (2a), inkluż is-segretarju ġenerali, persunal temporanju fil-gruppi politiċi u fil-kabinett tal-president (2c) u persunal temporanju li jokkupa postijiet permanenti (2b) li jiġu impjegati meta avviż ta’ post battal ma kienx ta’ suċċess u/jew ma kienx possibbli li jiġi impjegat persunal permanenti.

Il-maġġoranza tal-kuntratti ta’ aġenti temporanji fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huma kuntratti 2b) ta’ bejn is-6 xhur u massimu ta’ 4 snin, li jistgħu jiġġeddu darba għal massimu ta’ sentejn. Il-kuntratti tal-persunal temporanju 2c) huma kuntratti indefiniti fil-gruppi politiċi u dawk fil-kabinett tal-president huma marbuta mal-mandat tal-president.

Aġġornament importanti: tibdil għall-proċess biex jintagħżel il-persunal temporanju

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) aġġorna l-proċess biex jintagħżel il-persunal temporanju. Għalhekk ħu nota tat-tibdil li ġej:

Il-bażi tad-data tal-kandidati mhux se tibqa’ tintuża

  • Il-KtR mhux se jibqa’ jżomm bażi tad-data ġenerali tal-kandidati.
  • Il-pożizzjonijiet kollha mhux permanenti issa se jibdew jiġu ppubblikati sistematikament fil-paġna tagħna dwar l-impjiegi.
  • Il-pożizzjonijiet jistgħu jiġu rreklamati wkoll fil-kont ta’ LinkedIn tal-KtR.

Proċess ta’ applikazzjoni ssemplifikat

  • L-avviżi kollha ta’ postijiet battala u s-sejħiet għal interess se jiġu ġestiti esklużivament permezz tal-formoli elettroniċi tar-riżorsi umani, biex jiġi żgurat proċess effiċjenti u faċli għall-utent.

Biex tibqa’ infurmat dwar opportunitajiet ġodda, inħeġġuk tiċċekkja regolarment il-paġna tal-impjiegi tagħna u ssegwina fuq LinkedIn.

Persunal bil-kuntratt

Huwa possibbli li taħdem mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni membru tal-persunal bil-kuntratt. Il-persunal bil-kuntratt (magħruf bħala CAST) ikopri kemm il-ħtiġijiet permanenti (il-kategorija 3a, il-grupp ta’ funzjoni I – l-uxxiera, ix-xufiera, il-ħaddiema manwali, eċċ. fuq kuntratti indefiniti wara żewġ kuntratti inizjali b’terminu fiss) kif ukoll il-ħtiġijiet temporanji sabiex jitlestew proġetti speċifiċi u/jew jingħata appoġġ fuq perjodu ta’ żmien limitat f’każ ta’ assenza, ammont kbir ta’ xogħol, eċċ. (kategorija 3b, gruppi ta’ funzjoni II, III u IV) fuq kuntratt b’terminu fiss (minimu ta’ 3 xhur u li jiġġedded għal massimu ta’ 6 snin b’kollox).

Il-pożizzjonijiet ta’ persunal bil-kuntratt huma disponibbli għal firxa wiesgħa ta' impjiegi, li jeħtieġu livelli ta’ kwalifiki differenti.

Il-profili mitluba l-aktar ta’ spiss fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huma dawk relatati mal-affarijiet politiċi/il-politiki tal-UE, il-komunikazzjoni, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, it-tradutturi u l-persunal lingwistiku, il-ġestjoni tal-proġetti/programmi, is-segretarji/l-iskrivani, l-amministrazzjoni/ir-riżorsi umani, il-finanzi, il-liġi, ix-xogħol manwali u l-ħaddiema ta’ appoġġ amministrattiv.

Għall-maġġoranza tal-pożizzjonijiet ta’ persunal bil-kuntratt jeħtieġ li ktun addejt mit-test tal-EPSO CAST, sakemm ma jkunx imsemmi mod ieħor fis-sejħa għal interess. Jekk jogħġbok aqra bir-reqqa r-rekwiżiti tal-għażla u tal-eliġibbiltà qabel ma tapplika.

Żur is-sit web tal-EPSO għal aktar informazzjoni u biex tapplika għall-CAST Permanenti tal-EPSO.

Kif tapplika għal pożizzjoni ta’ persunal bil-kuntratt fil-KtR? 

Jekk inti diġà rreġistrat(a) jew beħsiebek tirreġistra fil-bażi tad-data tal-CAST u tixtieq tiġi kkunsidrat(a) għal impjieg bil-kuntratt fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, jekk jogħġbok ħu nota tal-bidliet li ġejjin:

Aġġornamenti għall-proċess tal-għażla

Il-bażi tad-data tal-kandidati mhux ser tibqa’ tintuża

  • Il-KtR mhux ser jibqa’ jżomm bażi tad-data ta’ applikazzjonijiet spontanji għall-persunal bil-kuntratt.
  • Minflok, il-pożizzjonijiet kollha għal persunal bil-kuntratt issa ser jibdew jiġu ppubblikati sistematikament fil-paġna tagħna dwar l-impjiegi.
  • Il-pożizzjonijiet jistgħu jiġu rreklamati wkoll fil-kont ta’ LinkedIn tal-KtR.

Proċess ta’ applikazzjoni ssemplifikat

Biex tibqa’ infurmat dwar opportunitajiet ġodda, inħeġġuk tiċċekkja regolarment il-paġna tal-impjiegi tagħna u ssegwina fuq LinkedIn.

Esperti nazzjonali sekondati

L-impjegati ta’ korpi pubbliċi lokali, reġjonali u nazzjonali jew ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi jistgħu japplikaw għall-pożizzjoni ta’ espert nazzjonali sekondat. Però jridu jiġu sodisfati diversi kundizzjonijiet.

L-applikanti jeħtiġilhom:

  • ikunu impjegati minn awtorità pubblika nazzjonali, reġjonali jew lokali jew minn organizzazzjoni intergovernattiva
  • ikollhom esperjenza professjonali ta’ mill-inqas tliet snin full-time f’funzjoni amministrattiva, xjentifika, teknika, konsultattiva jew superviżorja
  • ikunu ilhom jaħdmu mal-impjegatur attwali tagħhom għal mill-inqas tnax-il xahar
  • ikollhom għarfien sod ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni Ewropea
  • ikollhom inqas minn 66 sena matul il-perjodu li fih ikunu sekondati
  • ikunu jistgħu jagħtu prova li l-impjegatur tagħhom ser jibqa’ jħallas is-salarju tagħhom, iżomm l-istatus ta’ impjieg stabbilit jew bil-kuntratt tagħhom u jiggarantixxi d-drittijiet soċjali u l-benefiċċji kollha tagħhom, b’mod partikolari dawk relatati mas-sigurtà soċjali u l-pensjoni, matul il-perjodu kollu tas-sekondar

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni joffri tliet tipi ta’ sekondar (esperti nazzjonali barranin, esperti nazzjonali li ġejjin minn distanza ta’ <150 km jew ta’ >150 km minn Brussell u sekondar mingħajr spejjeż).

Billi l-possibbiltajiet ta’ sekondar li jinvolvi l-ħlas ta’ indennizzi ta’ kuljum ikunu limitati, inħeġġu wkoll lill-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jikkunsidraw sekondar mingħajr spejjeż (mingħajr ħlas, mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, ta’ kwalunkwe indennizzi addizzjonali lill-espert nazzjonali). Anke matul sekondar mingħajr ħlas, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ser jipprovdilek spazju għal uffiċċju, post tax-xogħol / għodod adatti għall-ħidma, kif ukoll mentor apposta biex dan l-issekondar ikun esperjenza produttiva u utli għalik u għar-reġjun/amministrazzjoni tiegħek.

Is-sekondar huwa limitat fiż-żmien (mhux inqas minn 6 xhur u mhux iktar minn sentejn, li jista’ jiġġedded sa 4 snin b’kollox) u formalizzat permezz ta’ skambju ta’ ittri mar-rappreżentanza permanenti tal-pajjiż taċ-ċittadinanza tal-espert nazzjonali.

Interim

Jekk int interessat f’xogħol għal żmien qasir, ikkuntattja lill-aġenziji tagħna ta’ xogħol temporanju biex issir taf aktar dwar opportunitajiet għal żmien qasir.

Ta’ spiss ikun hemm bżonn ta’ persunal interim fil-KtR għal pożizzjonijiet segretarjali u ta’ uxxiera.

Traineeships

Bħala trainee tal-KtR, ser tkun qed tara direttament id-dinamika ta’ istituzzjoni multilingwi u multinazzjonali. Fi ħdan grupp żgħir ta’ trainees, mhux biss ser tkun tista’ taħdem fuq firxa wiesgħa ta’ aspetti tal-politika tal-UE, iżda ser ikollok ukoll il-possibbiltà unika li toħloq avveniment waħdek!

Aktar informazzjoni

Dokumenti