Eks Presidenti

Kull sentejn u nofs, l-Assemblea Plenarja teleġġi l-President tal-KtR u l-ewwel Viċi President.

F’din il-paġna

Vasco Alves Cordeiro

 

2022 - 2025

Il-Portugall, PSE (il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej)

Ġunju 2022: Vasco Alves Cordeiro (PSE), membru tal-Assemblea Leġiżlattiva tar-Reġjun Awtonomu tal-Azores, ġie elett President. Vasco Alves Cordeiro ilu membru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni sa mill-2013, u, bejn l-2004 u l-2008 kien sostitut fil-Kumitat. Il-Presidenza tiegħu kellha l-għan li tibni Ewropa għal kulħadd, u minn kulħadd, abbażi ta’ tliet prijoritajiet: Ewropa aktar b’saħħitha u aktar ġusta, il-ġlieda għal politika ta’ koeżjoni mġedda u t-tisħiħ tal-profil politiku tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Il-kisbiet tiegħu jinkludu, fost l-oħrajn, l-akbar Summit Ewropew tar-Reġjuni u l-Bliet, impenn qawwi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej, viżjoni ġdida għall-politika ta’ koeżjoni, u kooperazzjoni mġedda mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.

Aqra iktar

Apostolos Tzitzikostas

 

2020 - 2022

il-Greċja, PPE (il-Partit Popolari Ewropew)

Frar 2020: Apostolos Tzitzikostas (PPE), Gvernatur tar-Reġjun tal-Maċedonja Ċentrali fil-Greċja, ġie elett President. Huwa u jindirizza t-329 membru tal-Kumitat, il-President stabbilixxa t-tliet prijoritajiet ewlenin għal matul il-mandat tiegħu: “L-ewwel nett, l-Unjoni Ewropea trid tkun għas-servizz tal-popli tagħha u tal-postijiet fejn jgħixu fl-irħula, il-bliet u r-reġjuni tagħhom. Irridu nappoġġjaw il-koeżjoni territorjali, l-innovazzjoni, l-intraprenditorija, iżda nsibu wkoll soluzzjonijiet kredibbli għall-ġestjoni tal-migrazzjoni waqt li naġixxu b’solidarjetà. It-tieni, ir-reġjuni u l-bliet iridu jiffukaw fuq il-fehim u r-rispons għat-trasformazzjonijiet profondi tar-rivoluzzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u demografiċi attwali. Fl-aħħar nett, irridu nsaħħu d-demokrazija Ewropea, waqt li npoġġu r-reġjuni u l-bliet fil-qalba tagħha, sabiex inqarrbu l-Ewropa lejn in-nies.”

Aqra aktar

Karl-Heinz Lambertz

 

2017 - 2019

il-Belġju, PSE (il-Partit Soċjalista Ewropew)

Lulju 2017: Karl-Heinz Lambertz (PSE/BE), membru tas-Senat Belġjan li jirrappreżenta lill-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż, ġie elett President. Karl-Heinz ilu membru tal-KtR sa mill-2001, u kien President tal-Grupp PSE tal-KtR (2011-2015). Ilu membru tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa sa mill-2000.

Markku Markkula

 

2015 - 2017

il-Finlandja, PPE (il-Partit Popolari Ewropew)

Frar 2015: Markku Markkula, membru tal-Bord tal-Kunsill Reġjonali ta’ Ħelsinki u President tal-Bord tal-Ippjanar tal-Belt ta’ Espoo, ġie elett President. Kien membru tal-Parlament Finlandiż (1995-2003). Matul dan iż-żmien, kien membru ta’ żewġ kumitati parlamentari permanenti: il-Kumitat għax-Xjenza, l-Edukazzjoni u l-Kultura, u l-Kumitat għall-Futur. Fir-rwol internazzjonali tiegħu bħala membru parlamentari, huwa ppresieda l-Kunsill tan-Network Parlamentari Ewropew għall-Valutazzjoni tat-Teknoloġija (European Parliamentary Technology Assessment Network, EPTA).

Michel Lebrun

 

2014 - 2015

il-Belġju, PPE (il-Partit Popolari Ewropew)

Ġunju 2014: Michel Lebrun, kunsillier lokali f’Viroinval (il-Belġju), ġie elett President. Wara li ggradwa fil-Filosofija u l-Letteratura mill-Università Kattolika ta’ Louvain fl-1970, beda l-karriera politika tiegħu fl-1977 meta ġie elett Viċi Sindku tal-Kunsill tal-Belt ta’ Viroinval (il-Belġju). Mill-1992 sal-1999 kien il-Ministru għall-Edukazzjoni Għolja, ir-Riċerka u r-Relazzjonijiet Internazzjonali fil-Komunità Franċiża, qabel ma ħa l-kariga ta’ Ministru għall-Ippjanar, l-Infrastruttura, it-Trasport u t-Telekomunikazzjoni fil-Gvern ta’ Wallonia.

Ramón Luis Valcárcel Siso

 

2012 - 2014

Spanja, PPE (il-Partit Popolari Ewropew)

Lulju 2012: Ramón Luis Valcárcel Siso, President tal-Komunità Awtonoma ta’ Murcia, ġie elett President. Wara li ggradwa fl-Arti u l-Filosofija mill-Università ta’ Murcia, għallem l-istorja tal-arti waqt li wettaq riċerka relatata mal-arti u l-istorja tar-Reġjun ta’ Murcia. Fid-diskors tiegħu lill-plenarja, qal li l-prijoritajiet tiegħu kienu n-negozjati kontinwi għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020, il-fażi l-ġdida tal-fondi strutturali u l-politika Ewropea ta’ kooperazzjoni territorjali.

Mercedes Bresso

 

2010 - 2012

l-Italja, PSE (il-Partit Soċjalista Ewropew)

Frar 2010: Mercedes Bresso, membru tal-Kunsill Reġjonali tal-Piemonte, ġiet eletta President tal-Kumitat tar-Reġjuni fl-10 ta’ Frar 2010 u daħlet fil-kariga fid-9 ta’ Ġunju 2010. Bresso qalet li: “L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jservu bħala punt ta’ referenza għall-Ewropa f’dawn l-oqsma kollha. Jinsabu fuq quddiem nett fi żminijiet ta’ kriżi u minn dejjem kienu l-ixpruni ġenwini tal-innovazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali.” 

Luc Van den Brande

 

2008 - 2010

il-Belġju, PPE (il-Partit Popolari Ewropew)

Frar 2008: Luc Van den Brande, Senatur fil-Parlament Belġjan u membru tal-KtR (PPE/BE) sa mit-twaqqif tiegħu, ġie elett President tal-Kumitat. Fid-diskors tiegħu lill-assemblea plenarja ddikjara li: “Għandna bżonn inneħħu l-idea ġerarkika tal-Ewropa bħala piramida li tqiegħed lill-UE ’l fuq mill-Istati Membri, l-Istati Membri ’l fuq mir-reġjuni, u lir-reġjuni ’l fuq mill-bliet u l-kunsilli lokali.”

Michel Delebarre

 

2006 - 2008

Franza, PSE (il-Partit Soċjalista Ewropew)

Frar 2006: Michel Delebarre, Sindku ta’ Dunkirk (Reġjun ta’ Nord-Pas de Calais) u Membru tal-Parlament Franċiż, ġie elett President tal-Kumitat tar-Reġjuni. Huwa ddikjara x-xewqa tiegħu li jagħmel lill-Kumitat tar-Reġjuni assemblea Ewropea ġenwinament politika, li tkun kapaċi tikkontribwixxi għat-tnedija mill-ġdid ta’ dibattitu dwar l-Ewropa, u identifika l-Istrateġija ta’ Lisbona bħala waħda mill-prijoritajiet strateġiċi tal-KtR.

Peter Straub

 

2004 - 2006

il-Ġermanja, PPE (il-Partit Popolari Ewropew)

Frar 2004: Peter Straub, President tal-Parlament Reġjonali Ġermaniż ta’ Baden-Württemberg, ġie elett President tal-KtR. L-għanijiet ewlenin tiegħu jinkludu t-tisħiħ tar-relazzjonijiet interistituzzjonali u s-sensibilizzazzjoni dwar il-ħidma tal-Kumitat fl-Istati Membri l-ġodda.

Albert Bore

 

2002 - 2004

United Kingdom, PSE (il-Partit Soċjalista Ewropew)

Frar 2002: Sir Albert Bore, mexxej tal-Kunsill tal-Belt ta’ Birmingham, ġie elett President tal-Kumitat tar-Reġjuni. Huwa identifika żewġ għanijiet ewlenin għall-mandat tiegħu: l-iżgurar li l-politika reġjonali tibqa’ xprun fil-qalba tal-aġenda tal-UE, u l-indirizzar tad-“defiċit demokratiku” li wassal biex il-pubbliku ġenerali jħossu eskluż mill-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE.

Jos Chabert

 

2000 - 2002

il-Belġju, PPE (il-Partit Popolari Ewropew)

Frar 2000: Jos Chabert, Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u t-Trasport fil-gvern tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali, ġie elett President tal-KtR. Huwa ħeġġeġ lill-Kumitat joħloq rabtiet aktar mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-Ministri, u appella għal enfasi ikbar fuq opinjonijiet politiċi u inqas fuq opinjonijiet tekniċi. Il-ħames prijoritajiet politiċi tiegħu kienu l-impjiegi, il-politika urbana, iċ-ċittadinanza Ewropea, l-ambjent u t-tkabbir.

Manfred Dammeyer

 

1998 - 2000

il-Ġermanja, PSE (il-Partit Soċjalista Ewropew)

Frar 1998: Manfred Dammeyer, Ministru għall-Affarijiet Federali u Ewropej għal-Land Ġermaniż ta’ Nordrhein-Westfalen, ġie elett President tal-KtR. Huwa ħeġġeġ awtonomija akbar għar-reġjuni, l-istati federali u l-provinċji fil-ġestjoni tal-fondi strutturali, kif ukoll politika agrikola tal-UE aktar kompetittiva. L-assemblea rratifikat proposta tal-Bureau biex isir tibdil fin-numru, il-kompożizzjoni u l-mandat tal-kummissjonijiet tal-KtR sabiex ikunu jistgħu jittrattaw b’mod aktar effettiv l-oqsma l-ġodda ta’ responsabbiltà mogħtija lill-Kumitat mit-Trattat ta’ Amsterdam.

Pasqual Maragall I Mira

 

1996 - 1998

Spanja, PSE (il-Partit Soċjalista Ewropew)

Marzu 1996: Pasqual Maragall I Mira, Sindku ta’ Barċellona, ġie elett President tal-KtR. Huwa wiegħed li jiffoka fuq il-bini ta’ organizzazzjoni interna trasparenti u leġittima u li l-KtR jingħata status istituzzjonali.

Jacques Blanc

 

1994 - 1996

Franza, PPE (il-Partit Popolari Ewropew)

Marzu 1994: Jacques Blanc, mexxej tal-Kunsill Reġjonali ta’ Languedoc-Roussillon, ġie elett bħala l-ewwel President, u Pasqual Maragall i Mira (PSE/ES) bħala l-ewwel Viċi President.