Dikjarazzjoni tal-missjoni
L-azzjoni politika tagħna hija bbażata fuq il-konvinzjoni li l-kooperazzjoni bejn il-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u dak lokali hija essenzjali biex tinbena unjoni dejjem eqreb u li tipprovdi appoġġ reċiproku fost il-popli tal-Ewropa u twieġeb għall-isfidi tal-globalizzazzjoni.
Kif jaħdem il-KtR?
Il-KtR huwa magħmul minn 329 membru u 329 sostitut mill-pajjiżi kollha tal-UE. Kull gvern nazzjonali jipproponi r-rappreżentanti reġjonali u lokali tiegħu (membri u sostituti) – id-delegazzjonijiet nazzjonali. Il-membri tal-KtR għandhom mandat ta' ħames snin, li jibda mid-data tal-ħatra uffiċjali tagħhom mill-Kunsill.
Sitt kummissjonijiet (sottokumitati), magħmulin minn membri u raggruppati skont l-oqsma ta’ politika, janalizzaw it-testi leġiżlattivi abbozzati mill-Kummissjoni Ewropea u jfasslu Opinjonijiet, li mbagħad jiġu diskussi u adottati fis-sessjonijiet plenarji tal-KtR.
Kull sentejn u nofs, l-Assemblea Plenarja teleġġi l-President tal-KtR u l-ewwel Viċi President. Il-President j(t)irrappreżenta l-Kumitat u j(t)idderieġi l-ħidma tiegħu. Fl-assenza jew l-indisponibbiltà tal-President, huwa għandu jkun rappreżentat/hija għandha tkun rappreżentata mill-ewwel Viċi President jew xi ħadd mill-Viċi Presidenti l-oħra.
Liema tip ta’ leġiżlazzjoni tiġi diskussa?
Jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonsultaw lill-KtR kull darba li jitressqu proposti ġodda f’oqsma li jkollhom riperkussjonijiet fil-livell reġjonali jew lokali: il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; il-Fondi Strutturali; il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali; il-Fond Soċjali Ewropew; l-impjieg u l-affarijiet soċjali; l-edukazzjoni; iż-żgħażagħ; it-taħriġ vokazzjonali, il-kultura u l-isport, l-ambjent, l-enerġija u t-tibdil fil-klima; it-trasport; in-networks trans-Ewropej; u s-saħħa pubblika.
Lil hinn minn dawn l-oqsma, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom l-għażla li jikkonsultaw lill-KtR. Il-KtR għandu jiġi kkonsultat f'’kull fażi tal-proċess leġiżlattiv tal-UE u jista’ jressaq il-leġiżlazzjoni tal-UE quddiem il-Qorti tal Ġustizzja kull meta jħoss li jkunu ġew injorati d-drittijiet istituzzjonali tiegħu jew il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali. Minħabba f’hekk, issaħħu r-relazzjonijiet tal-KtR mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, u l-Kunsill.
Ir-rwol tal-KtR ġie rikonoxxut u msaħħaħ mit-Trattat ta’ Lisbona fl-2009. Il-KtR għandu jiġi kkonsultat f’kull fażi tal-proċess leġislattiv tal-UE u jista' jressaq il-leġislazzjoni tal-UE quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kull meta jħoss li jkunu ġew injorati d-drittijiet istituzzjonali tiegħu jew il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali. Minħabba f'hekk, issaħħu r-relazzjonijiet tal-KtR mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, u l-Kunsill.
Il-promozzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni transkonfinali
Il-KtR jorganizza konsultazzjonijiet bil-għan li jikseb informazzjoni mingħand l-awtoritajiet lokali u reġjonali, esperti u partijiet interessati oħra sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-Opinjonijiet proposti mill-membri tal-KtR bil-ħsieb li jiġu adottati fil-livell tal-UE.
Il-gruppi interreġjonali huma gruppi ta’ interess speċjali ta’ membri li jiltaqgħu biex jiddiskutu kwistjonijiet fil-livell lokali/reġjonali jew xi kultant bejn pajjiżi differenti.
Il-KtR jikkoordina wkoll ċerti networks biex jippermetti lir-reġjuni u l-bliet jaqsmu l-aħjar prattiki, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll lil hinn minnu. Is-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP) u l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM), pereżempju, jixhdu għall-isforzi tal-KtR fil-qasam tal-politika tal-viċinat tal-UE.
It-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali jinkludi:
- kontribut għall-integrazzjoni ta’ Stati Membri ġodda fl-UE permezz tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti u l-Gruppi ta’ Ħidma, fejn il-KtR jaħdem mar-rappreżentanti lokali u reġjonali minn pajjiżi li qed ifittxu li jsiru membri tal-UE
- ħidma mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u mal-Kunsill tal-Ewropa (KtE) biex isaħħaħ id-djalogu politiku mal-gvernijiet lokali u reġjonali fl-UE
Monitoraġġ, valutazzjoni u attivitajiet ta’ riċerka
L-aħħar iżda mhux l-anqas, il-KtR
- jiżgura li kull livell ta’ gvern ikun involut u li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun implimentata kif imiss fil-livell lokali u reġjonali
- jivvaluta l-impatt potenzjali tal-proposti leġiżlattivi tal-UE fuq il-post
- jinkoraġġixxi d-deċentralizzazzjoni u s-sħubija msaħħa għal tfassil effettiv ta’ politika fl-UE
- jikkomplementa l-ippjanar strateġiku tiegħu billi jipprova jantiċipa l-isfidi u l-opportunitajiet futuri li, min-naħa tagħhom, jistgħu jgħinu fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jkun għaddej