Dwar il-Premjijiet
Il-Premjijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika huma organizzati b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-Kumitat tal-Organizzazzjonijiet Agrikoli Professjonali u l-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli (COPA-COGECA) u l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Movimenti tal-Agrikoltura Organika (IFOAM) Organics Europe. Il-premjijiet għandhom l-għan li jirrikonoxxu l-eċċellenza tul il-katina tal-valur tas-settur organiku, billi jippremjaw l-aqwa u l-aktar atturi innovattivi fil-produzzjoni organika tal-UE.
Dawn huma l-ewwel eżempju ta’ premjijiet fl-UE kollha għall-produzzjoni organika u huma mfassla biex isegwu l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp tal-Produzzjoni Organika, adottat mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Marzu 2021. Il-Pjan ta’ Azzjoni jixħet dawl fuq l-idea li, jekk irridu nistimolaw il-produzzjoni organika, hemm bżonn li tiżdied id-domanda tal-konsumatur għal prodotti organiċi. Dan jeħtieġ, fost affarijiet oħra, aktar sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-karatteristiċi u l-benefiċċji tal-produzzjoni organika. Bħala appoġġ għal din l-idea, introduċa premjijiet annwali li jirrikonoxxu proġetti innovattivi u sostenibbli li jżidu l-valur għall-produzzjoni u l-konsum organiċi.
L-iskema tal-Premjijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika tinkludi 6 kategoriji u 7 premjijiet. Il-KtR huwa responsabbli għal żewġ premjijiet: “L-aħjar reġjun/bijodistrett organiku” u “L-aħjar belt organika”. Mill-2021 ’l hawn, il-premjijiet bdew jiġu ppreżentati kull sena fit-23 ta’ Settembru, meta jiġi ċċelebrat il-Jum Organiku tal-UE. Ir-rebbieħa jiksbu viżibbiltà, rikonoxximent, kredibbiltà, u opportunitajiet promozzjonali fil-livell tal-UE, li jirrappreżentaw il-valur miżjud ċentrali tal-Premjijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika.
Segwina
#EUOrganic