Miżuri ta’ Trasparenza
Fl-20 ta’ Mejju 2021, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw Ftehim Interistituzzjonali (FII) li permezz tiegħu stabbilew Reġistru Obbligatorju ta’ Trasparenza tal-UE.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-FII, ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess jirreġistraw fis-sit tar-Reġistru tat-Trasparenza fuq bażi volontarja. Madankollu, il-miżuri ta’ kundizzjonalità adottati mill-istituzzjonijiet rispettivi tal-UE jistgħu jagħmluha de facto obbligatorja għal dawn ir-rappreżentanti li jirreġistraw fir-Reġistru tat-Trasparenza jekk iridu li jkollhom aċċess għall-istituzzjonijiet tal-UE.
Għadd ta’ atturi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE, bħall-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali u l-assoċjazzjonijiet u n-networks ta’ awtoritajiet pubbliċi fil-livell tal-UE, nazzjonali jew sottonazzjonali. Anke l-persunal u l-membri tal-istituzzjonijiet tal-UE ma għandhomx bżonn jirreġistraw fir-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE. Barra minn hekk, ċerti attivitajiet huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE, bħal każijiet fejn attur ikollu biss potenzjal ta’ influwenza indiretta, eż. esperti li jipprovdu kontribut lir-relaturi jew meta jingħata kontribut permezz ta’ konsultazzjoni uffiċjali mal-partijiet ikkonċernati.
F’dan il-kuntest, minn Jannar 2024 ’il quddiem, għandhom japplikaw ukoll għadd ta’ miżuri ta’ trasparenza fir-rigward tal-membri tal-KtR.
Fid-dawl tar-rwol konsultattiv tal-Kumitat fi ħdan l-istruttura istituzzjonali Ewropea, li jippermetti lill-awtoritajiet sottonazzjonali jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, dawn il-miżuri jiffukaw fuq il-kategoriji tal-membri bl-aktar impatt ġenwin, dirett u individwali fuq il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, jiġifieri:
- il-membri fil-kariga, li jistgħu jinfluwenzaw l-aġenda politika (il-President, l-Ewwel Viċi President, il-Presidenti tal-Gruppi Politiċi, il-Presidenti tal-Kummissjonijiet);
- ir-relaturi, li jistgħu jiggwidaw l-orjentazzjoni ta’ Opinjoni/Rapport u jistgħu jressqu emendi tar-relaturi individwali (bi preċedenza fuq emendi oħra).
Il-miżuri ta’ trasparenza adottati fil-KtR jinkludu:
- stedina lill-membri fil-kariga u lir-relaturi biex jiltaqgħu biss ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess li jkunu rreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza u biex iħeġġu lill-partijiet interessati jirreġistraw fir-Reġistru;
- l-obbligu għall-membri fil-kariga u r-relaturi li jippubblikaw online kwalunkwe laqgħa li jkollhom fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-KtR ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess; id-data dwar dawn il-laqgħat għandha tiġi ppubblikata fil-Paġna tal-Membri tal-membri kkonċernati tal-KtR;
- il-possibbiltà, għar-relaturi, li jinkludu impronta leġiżlattiva volontarja fil-fajl ta’ Opinjoni/Rapport, li telenka lista mhux eżawrjenti ta’ organizzazzjonijiet u individwi li r-relatur ikun irċieva kontribut mingħandhom fit-tfassil tar-Rapport jew tal-Opinjoni.
Ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess li jinteraġixxu mal-membri tal-KtR skont id-dispożizzjonijiet tar-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE jistgħu jiksbu aktar informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom fl-Avviżi dwar il-Protezzjoni tad-Data relatati mal-pubblikazzjoni ta’ laqgħat ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess u mat-tfassil ta’ impronta leġiżlattiva.
Aċċess għad-dokumenti
Deċiżjoni Nru 18/2020 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kumitat tar-Reġjuni
Id-Deċiżjoni Nru 18/2020 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kumitat tar-Reġjuni tħaddan b’mod espliċitu l-prinċipji u l-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u tistabbilixxi wkoll il-proċedura biex jintalab aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat.
Id-dokumenti tal-Kumitat imsemmija fil-lista mehmuża mad-Deċiżjoni Nru 18/2020 huma direttament aċċessibbli għaċ-ċittadini f’reġistru elettroniku tad-dokumenti. Jistgħu jiġu inklużi wkoll dokumenti oħra f’dan ir-reġistru.
Iċ-ċittadini jistgħu jitolbu aċċess għal kwalunkwe dokument ieħor, soġġett għal-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
L-applikazzjonijiet iridu jsiru b’mod preċiż biżżejjed u jridu jinkludu, b’mod partikolari, l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tad-dokument jew dokumenti mitluba, kif ukoll l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-applikanti. Madankollu, l-applikanti mhumiex obbligati jiddikjaraw ir-raġunijiet għall-applikazzjoni (ħlief f’ċerti każijiet li jinvolvu aċċess għal data personali). Il-Kumitat irid jikkonferma li rċieva l-applikazzjoni hekk kif tiġi rreġistrata u jwieġeb fi żmien 15-il jum tax-xogħol mir-reġistrazzjoni (eċċezzjonalment din l-iskadenza tista’ tiġi estiża bi 15-il jum tax-xogħol).
Jekk il-Kumitat jirrifjuta totalment jew parzjalment li jagħti aċċess għad-dokument mitlub, huwa jrid jiddikjara r-raġunijiet għal tali rifjut. L-applikanti mbagħad għandhom 15-il jum tax-xogħol biex iressqu applikazzjoni konfermatorja. Wara dan, il-Kumitat għal darb’oħra għandu 15-il jum tax-xogħol (b’estensjoni possibbli ta’ 15-il jum tax-xogħol addizzjonali) biex iwieġeb.
Jekk il-Kumitat xorta jirrifjuta li jagħti aċċess sħiħ għad-dokument mitlub wara applikazzjoni konfermatorja, l-applikanti għandhom il-possibbiltà li jibdew proċedimenti tal-qorti kontra l-Kumitat u/jew iressqu lment quddiem l-Ombudsman Ewropew.
Jekk ma tistax issib dokument fir-reġistru elettroniku tad-dokumenti, tista’ tressaq talba għal aċċess għal dak id-dokument permezz tal-link ta’ hawn taħt.
Itlob dokument
Sabiex titlob aċċess għal dokument, jekk jogħġbok imla din il-formola u fil-kaxxa tas-suġġett agħżel Aċċess għad-dokumenti.