It-tibdil fil-klima
L-esponiment dejjem jikber tal-bliet u r-reġjuni tal-UE għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni ambjentali huwa ta’ tħassib serju, u jirrikjedi aktar enfasi fuq il-prevenzjoni u l-adattament u l-mezzi finanzjarji għal dan l-għan. Il-mira tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050 trid tinkiseb permezz ta’ mira legalment vinkolanti sal-2040 ta’ tnaqqis ta’ 90 % tas-CO2 u permezz ta’ sforzi ambizzjużi kif ukoll realistiċi, li jawtonomizzaw il-bliet u r-reġjuni, kif deskritt fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku.
Ir-reżiljenza tal-ilma
Ir-reżiljenza tal-ilma hija sfida globali kritika. Hija kruċjali għall-kompetittività tal-UE u importanti biex jitwettaq l-adattament għat-tibdil fil-klima, tiġi protetta l-bijodiversità, jitnaqqas it-tniġġis, tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel, u jissaħħu l-ekonomija ċirkolari u s-saħħa pubblika. Għalhekk għandha tiġi integrata fil-politiki rilevanti l-oħra kollha tal-UE.
Enerġija nadifa, sigura u affordabbli
Tranżizzjoni tal-enerġija lokali effiċjenti, ekonomikament sostenibbli, nadifa u ġusta hija kruċjali biex jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi u biex jiġu kkombinati l-miri ambjentali u l-kompetittività. Huwa ta’ importanza kruċjali li tiġi promossa l-produzzjoni mikro tal-enerġija u tas-sistemi tal-enerġija deċentralizzati u rinnovabbli. It-tlestija tal-Unjoni Ewropea tal-Enerġija b’suq integrat u interkonness b’mod sħiħ madwar l-UE se tkun fundamentali biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-UE u biex il-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu affordabbli.
Il-kooperazzjoni transfruntiera
It-trasferiment ta’ persuni u oġġetti bejn il-fruntieri huwa wieħed mill-aħjar eżempji ta’ valur miżjud Ewropew. Il-kooperazzjoni territorjali Ewropea għandha bżonn li tiġi rikonoxxuta bħala prijorità u msaħħa fil-baġit tal-UE.
Il-Pjattaforma Transfruntiera Ewropea tiġbor atturi fil-qasam tal-kooperazzjoni transfruntiera u tippromovi approċċi u soluzzjonijiet ta’ politika ġodda.
Is-saħħa
Forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa li qed tonqos, problemi fil-provvista ta’ mediċini kritiċi, inugwaljanzi fis-saħħa u għadd dejjem jikber ta’ mard kroniku u problemi ta’ saħħa mentali joħolqu sfidi sinifikanti. Il-bini u l-implimentazzjoni tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa jridu jindirizzawhom biex jiżguraw ir-reżiljenza tas-soċjetà u l-awtonomija strateġika.
L-agrikoltura
Iż-żoni rurali m’għandhomx jitħallew jibqgħu lura. Politika Agrikola Komuni (PAK) b’saħħitha se tkun essenzjali biex jiżdiedu r-reżiljenza, is-sostenibbiltà, il-kompetittività kif ukoll is-sovranità u s-sigurtà tal-ikel tal-UE u biex jiġu protetti l-bdiewa tagħha. Huma meħtieġa rwol aktar b’saħħtu tar-reġjuni u riżorsi adegwati biex jiġu indirizzati d-diversi sfidi li qed jiffaċċja s-settur agrikolu, biex jiġu megħjuna l-bdiewa li l-aktar għandhom bżonnu u biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni lejn biedja sostenibbli.
Is-sigurtà
L-Ewropej u l-UE qed jiffaċċjaw theddid li qed jevolvi u multidimensjonali. It-tħejjija għall-kriżijiet, kemm fir-rigward tat-tensjonijiet ġeopolitiċi kif ukoll tad-diżastri naturali, hija essenzjali. Il-perspettivi lokali u reġjonali jeħtieġ li jiġu riflessi bis-sħiħ fil-politiki tal-UE sabiex ikunu jistgħu jkunu effettivi fil-prattika.
Il-KtR jenfasizza l-appoġġ sod tiegħu għall-bliet u r-reġjuni tal-Ukrajna, li huwa espress permezz tal-Alleanza għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna.