Konferenza dwar il-komunikazzjoni pubblika
EuroPCom, il-konferenza Ewropea dwar il-komunikazzjoni pubblika, hija avveniment annwali ta’ networking organizzat għall-esperti fil-qasam tal-komunikazzjoni mill-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej, kif ukoll għal aġenziji privati tal-komunikazzjoni, NGOs u d-dinja akkademika.
Hija l-akbar konferenza Ewropea annwali għall-esperti fil-qasam tal-komunikazzjoni pubblika u kull sena tattira mijiet ta’ professjonisti tal-komunikazzjoni mill-UE u lil hinn. EuroPCom hija organizzata mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, il-Club of Venice u l-Vrije Universiteit Brussel (VUB).
Għaliex għandi nieħu sehem fil-konferenza EuroPCom?
Il-konferenza EuroPCom hija opportunità eċċellenti biex tibqa’ aġġornat dwar l-aħħar xejriet u suġġetti tal-mument fil-qasam tal-komunikazzjoni pubblika, issir taf dwar l-ideat u l-inizjattivi l-ġodda, u tiltaqa’ ma’ esperti oħra fil-komunikazzjoni fi ħdan is-settur pubbliku.
L-attendenza għall-konferenza EuroPCom hija bla ħlas jew għandi bżonn nixtri biljett?
Il-parteċipazzjoni hija kompletament mingħajr ħlas, però trid tirreġistra.
Is-sessjonijiet tal-konferenza EuroPCom jiġu rreġistrati?
Il-biċċa l-kbira tas-sessjonijiet jiġu rreġistrati, u l-filmati jiġu ppubblikati fuq il-paġni tal-avveniment tal-EuroPCom.