L-impatt tal-ħidma tal-KtR fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE

F’din il-paġna

Bħala korp konsultattiv tal-istituzzjonijiet Ewropej, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jirrappreżenta lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE billi joħroġ Opinjonijiet u Riżoluzzjonijiet. Maż-żmien, l-Opinjonijiet tiegħu jsawru l-leġiżlazzjoni tal-UE, u l-impatt tagħhom jiġi vvalutat permezz tar-Rapport Annwali ta’ Impatt tal-KtR, ir-rapporti ta’ segwitu tal-Kummissjoni Ewropea dwar Opinjonijiet speċifiċi u l-monitoraġġ tal-media. 

Ir-Rapport Annwali ta’ Impatt jenfasizza r-rwol tal-KtR fit-tfassil ta’ testi legali preparatorji u finali tal-UE, u fit-tisħiħ tal-viżibbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istadju tat-tfassil tal-aġenda tal-UE. Jenfasizza wkoll ir-rwol tal-KtR biex jinfluwenza l-metodi ta’ ħidma tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-bini ta’ alleanzi u l-kooperazzjoni interistituzzjonali, kif ukoll il-kontribut tal-KtR għal leġiżlazzjoni li ttejjeb il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u tippromovi d-demokrazija. 

L-involviment proattiv tal-KtR, permezz ta’ Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja u komunikazzjoni strateġika, jiżgura li l-perspettivi territorjali jiġu inkorporati fid-deċiżjonijiet tal-UE. B’hekk, jissaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala gwardjan tas-sussidjarjetà u attur ewlieni fil-governanza f’diversi livelli.

Il-punti ewlenin tar-Rapport Annwali ta’ Impatt 2024

L-għan tar-Rapport Annwali ta’ Impatt 2024 huwa li jipprovdi stampa tal-ħidma u tal-kisbiet ewlenin tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Dan jivvaluta l-impatt tal-KtR fuq il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE billi jikkunsidra l-influwenza tiegħu fuq it-testi legali preparatorji u finali adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE. Ir-Rapport jeżamina wkoll l-impatt tal-KtR fuq il-viżibbiltà tal-aspetti lokali u reġjonali fit-tfassil tal-aġenda tal-UE u fuq il-bidliet fil-metodi ta’ ħidma tal-UE. Jagħti attenzjoni partikolari wkoll lil-leġiżlazzjoni tal-UE li ttejjeb il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u lill-azzjonijiet tal-UE promossi jew imnedija mill-KtR, inklużi dawk li jrawmu d-demokrazija u jsaħħu l-viżibbiltà tal-Kumitat tagħna.

Il-punti ewlenin huma disponibbli biss bl-Ingliż.