Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jimpenja ruħu li jiżgura l-protezzjoni tad-data personali huwa u jwettaq il-kompiti tiegħu u jipprovdi s-servizzi tiegħu.
Il-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali minqux kemm fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 16) kif ukoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (Artikolu 8).
Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725 jistabbilixxi r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE. Barra milli jindika l-prinċipji legali fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali, jistabbilixxi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data, l-obbligi tal-kontrolluri tad-data u r-rwol tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD).
Is-suġġetti tad-data (persuni li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata) għandhom id-dritt li jitolbu aċċess għad-data personali tagħhom, mingħajr ħlas u mingħajr restrizzjoni. Huma għandhom id-dritt li jitolbu rettifika jew tħassir tad-data personali tagħhom jew restrizzjoni tal-ipproċessar tagħha. Is-suġġetti tad-data għandhom ukoll id-dritt li joġġezzjonaw għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom.
Fejn applikabbli, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li jirċievu d-data personali tagħhom li ngħatat lill-kontrollur jew li din id-data personali tiġi trażmessa direttament lil kontrollur ieħor (portabbiltà tad-data). Huma għandhom ukoll id-dritt li jirtiraw il-kunsens fi kwalunkwe ħin, f'każijiet fejn id-data personali tiġi pproċessata fuq din il-bażi legali.
Il-kontrolluri delegati (entitajiet organizzattivi tal-kontrollur, jiġifieri l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni) jiddeterminaw l-iskop u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali u jridu jiżguraw li d-data personali tiġi pproċessata biss għal skopijiet definiti b'mod ċar u leġittimi, u li tiġi pproċessata b'mod ġust, legali u sigur. Huma responsabbli wkoll li jiżguraw li d-data tkun preċiża, adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva, u ma tinżammx għal aktar żmien milli meħtieġ. Il-kontrolluri delegati għandhom ukoll jinformaw lis-suġġetti tad-data dwar il-mod li bih tiġi pproċessata d-data tagħhom u jiżguraw li d-data tiġi trasferita lil partijiet terzi biss wara li jkunu ġew stabbiliti salvagwardji adegwati.
Ir-rwol tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) huwa li, b'mod indipendenti, jiżgura l-applikazzjoni korretta tar-regoli tal-protezzjoni tad-data fi ħdan il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. L-UPD jinforma u jagħti pariri lill-kontrollur, lill-kontrolluri delegati u lill-proċessur, jikkoopera mal-EDPS (Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data), u jinforma lis-suġġetti tad-data dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. L-UPD iżomm ukoll reġistru ċentrali b'rekords dwar l-ipproċessar ta' data personali mwettaq mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f'konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725.
X'data personali tiġi pproċessata fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni?
Il-biċċa l-kbira tad-data personali pproċessata mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni hija relatata mal-membri attivi u l-eks membri tiegħu, kif ukoll mal-membri tal-persunal tiegħu.
Id-data personali taċ-ċittadini tiġi pproċessata b'mod partikolari meta jżuru l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, jirreġistraw għal avveniment, iressqu talba jew jabbonaw għal servizz elettroniku, bħal:
- servizzi ta' komunikazzjoni interattivi li jippermettu kuntatti aħjar maċ-ċittadini, in-negozji, is-soċjetà ċivili u l-atturi pubbliċi, u b'hekk jiffaċilitaw konsultazzjonijiet dwar politiki, u mekkaniżmi ta' feedback, sabiex jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politiki, l-attivitajiet u s-servizzi tal-UE;
- servizzi ta' tranżazzjonijiet li jippermettu l-aċċess għall-forom bażiċi kollha ta' tranżazzjonijiet mal-UE, eż. akkwisti, operazzjonijiet finanzjarji, reklutaġġ, reġistrazzjoni għal avvenimenti, akkwist jew xiri ta' dokumenti, eċċ.
Għal informazzjoni preċiża dwar proċessar speċifiku ta' data personali, jekk jogħġbok irreferi għall-Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data rilevanti.
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħek, tista' tikkuntattja lis-servizz rilevanti inkarigat mill-ipproċessar tad-data personali (kontrollur delegat) kif indikat fl-Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data rilevanti, jew lill-UPD tal-KtR (data.protection@cor.europa.eu). Tista' tikkuntattja wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.