Il-President tal-KtR
Kata Tüttő hija politiku, ekonomista u uffiċjal pubbliku mill-Ungerija b’aktar minn għoxrin sena esperjenza fil-gvern lokali, fit-tfassil tal-politika Ewropea, u fis-sostenibbiltà urbana. Minn Frar 2025, u sas-sajf tal-2027, hija qed isservi bħala l-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), li jirrappreżenta l-gvernijiet lokali u reġjonali mill-Ewropa kollha. It-tmexxija tas-Sinjura Tüttő fil-KtR qed tiffoka fuq it-tisħiħ tar-rwol tal-bliet u r-reġjuni fit-tiswir tal-ġejjieni tal-UE kif ukoll il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tagħha. Fl-istess ħin, hija għadha membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Budapest.
L-Assemblea plenarja tal-KtR teleġġi l-President u l-Ewwel Viċi President tagħha kull sentejn u nofs. Il-President tirrappreżenta l-Kumitat u tidderieġi l-ħidma tiegħu. Jekk il-President tkun assenti jew ma tkunx tista’ tattendi, l-ewwel Viċi President, jew Viċi President ieħor jassumi dan ir-rwol.
Insiru nafu lil Kata Tüttő
Preċedentement, is-Sinjura Tüttő okkupat il-kariga ta’ viċi sindku ta’ Budapest mill-2019 sal-2024, u ħadet ħsieb l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma, it-trasport pubbliku, u s-servizzi ta’ utilità. Kellha rwol kruċjali biex Budapest issir aktar sostenibbli u reżiljenti, u ppromoviet investimenti ekoloġiċi u żvilupp urban inklużiv. Bħalissa, hija tippresiedi l-bord superviżorju tal-kumpaniji tad-distribuzzjoni tal-ilma u tat-trattament tad-drenaġġ ta’ Budapest, li huma kumpaniji pubbliċi.
Is-Sinjura Tüttő ilha żmien twil tippromovi l-azzjoni klimatika, u kienet il-president tal-Kummissjoni tal-KtR għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija (ENVE) u relatur għal Opinjonijiet ewlenin b’rabta mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Patt tas-Sindki, il-klima u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-ekonomija ċirkolari u l-faqar enerġetiku. Hija rrappreżentat lill-KtR fis-summits globali dwar il-klima, inklużi l-Konferenzi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP27 u COP28). Mill-2022, is-Sinjura Tüttő rrappreżentat ukoll lill-Partit Soċjalista Ungeriż (MSZP) bħala parti mill-Presidenza tal-PSE u sservi bħala membru tal-bord tal-Alleanza Progressiva.
Hija ggradwata fl-ekonomija, fir-relazzjonijiet internazzjonali, u fil-finanzi minn universitajiet Ungeriżi. Lil hinn mill-politika, hija għandha għal qalbha ċ-ċikliżmu, il-mixi, l-fotografija tan-natura u tħobb tirkeb iż-żwiemel. Għandha żewġt itfal, u l-għan tagħha hu li tibni futur aktar ekoloġiku u aktar inklużiv għall-ġenerazzjoni li jmiss.