Network ta’ Ċentri Reġjonali

Il-valutazzjoni tad-dritt tal-UE fuq il-post

© European Union

F’din il-paġna

​Il-KtR nieda ġenerazzjoni ġdida tan-Network ta’ Ċentri Reġjonali (RegHub) tiegħu. Il-membri tiegħu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fuq il-post u jiżguraw li l-vuċi ta’ mijiet ta’ partijiet interessati reġjonali u lokali tiġi kkunsidrata fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-politiki fil-livell Ewropew.

Mappa interattiva

L-għanijiet tagħna

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw aktar minn 70 % tal-leġiżlazzjoni tal-UE u għalhekk jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jiġġudikaw il-preċiżjoni u l-effettività tagħha. Huwa biss jekk il-leġiżlaturi tal-UE jqisu l-perspettiva reġjonali u lokali li l-liġijiet u l-politiki Ewropej jistgħu jiġu implimentati aħjar fuq il-post u jilħqu l-objettivi tagħhom.

L-għanijiet tar-RegHub huma li:

  • jikkontribwixxi għall-isforzi tal-UE għal regolamentazzjoni aħjar billi jipprovdi perspettiva lokali u reġjonali għall-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE;
  • iżid l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni tal-UE u fit-titjib tal-implimentazzjoni tagħha;
  • isaħħaħ ir-rabtiet bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE billi jippromovi l-perspettiva sottonazzjonali u joħloq opportunitajiet għal djalogu;
  • jippreżenta u jxerred eżempji ta’ prattika tajba għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE fir-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet.

Ir-RegHub ifittex li jilħaq dawn l-objettivi, fost l-oħrajn, permezz tar-rwol tiegħu bħala sottogrupp tal-Pjattaforma Fit for Future (F4F) tal-Kummissjoni Ewropea. Dan ir-rwol jinvolvi t-twettiq ta' konsultazzjonijiet immirati, ħidma mar-relaturi tal-pjattaforma, u l-kondiviżjoni ta' rapporti mal-pjattaforma. Barra minn hekk, ir-RegHub jaħdem mill-qrib ma' msieħba istituzzjonali u istituti ta' riċerka u jorganizza sessjonijiet ta' ħidma u seminars fil-qafas tal-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet.

Il-metodu tagħna

Minn mindu r-RegHub beda jiġi involut fil-Pjattaforma Fit for Future (F4F) tal-Kummissjoni Ewropea, beda jorganizza l-ħidma tiegħu fil-fażijiet li ġejjin:

1. L-għoti ta’ kontribut għall-programm ta’ ħidma annwali tal-Fit for Future billi jiġu kkonsultati ċ-ċentri dwar testi leġiżlattivi rilevanti li għandhom jiġu rieżaminati mill-Kummissjoni Ewropea.

2. It-twettiq ta’ konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati permezz tan-Network RegHub u t-tqegħid tar-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet għad-dispożizzjoni tar-relaturi tal-pjattaforma.

3. Il-promozzjoni tal-opinjonijiet tal-pjattaforma fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE.

Il-metodu ta’ ħidma uniku tar-RegHub, jiġifieri l-konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati, wera li huwa għodda effettiva biex tinġabar informazzjoni unika u granulari dwar l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE.

L-ewwel fażi tal-proċess tinvolvi t-tixrid ta’ kwestjonarji fost iċ-ċentri (punti ta’ kuntatt fl-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali). Fit-tieni fażi, dawn iċ-ċentri jilħqu lill-partijiet interessati fil-mira, li jimplimentaw il-politika tal-UE li hija s-suġġett tal-konsultazzjoni.

Wara li jiġbru l-feedback kollu, iċ-ċentri jaggregaw l-informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u jibagħtu t-tweġiba tagħhom lis-Segretarjat tar-RegHub tal-KtR. Il-KtR imbagħad jabbozza rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq dan il-kontribut.

RegHub u Fit for Future 2023

Fl-2023, ir-RegHub wettaq żewġ konsultazzjonijiet immirati għall-Pjattaforma Fit for Future tal-Kummissjoni Ewropea: waħda dwar l-akkwist pubbliku, li r-relatur tagħha kienet Anne Karjalainen (FI/PSE), u oħra dwar il-Programm Ewropa Diġitali, li r-relatur tagħha kien Michiel Rijsberman (NL/Renew Europe). Ir-riżultati ta' dawn il-konsultazzjonijiet għenu biex titwessa' l-bażi tal-evidenza tal-Opinjonijiet korrispondenti tal-Pjattaforma Fit for Future li ġew adottati fil-laqgħa plenarja tal-Pjattaforma tat-28 ta' Novembru.

RegHub u Fit for Future 2022

Għall-programm ta' ħidma tagħha għall-2022, il-Pjattaforma Fit for Future (F4F) ħatret lill-membri tal-KtR Dr Mark Speich (DE/PPE) u Anne Karjalainen (FI/PSE) bħala relaturi għall-Opinjonijiet dwar id Direttiva dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (M. Speich) u l Istrateġija għall-Interoperabbiltà tal-Gvernijiet (A. Karjalainen). Ir-RegHub wettaq żewġ konsultazzjonijiet immirati dwar dawn is-suġġetti fl-2022 u l-Opinjonijiet korrispondenti tal-Pjattaforma Fit for Future ġew adottati fil-plenarja tal-Pjattaforma f'Diċembru. 

RegHub u Fit for Future 2021

Fl-2021, ir-RegHub ikkonsulta lill-membri tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku u tad-Direttiva INSPIRE fil-livell lokali u reġjonali. It-tweġibiet ġew analizzati u servew ta’ kontribut għal żewġ opinjonijiet tal-Pjattaforma Fit for Future b’rabta ma’ dawn is-suġġetti. Barra minn hekk, ir-riżultati ta’ żewġ konsultazzjonijiet preċedenti tar-RegHub (dwar il-kwalità tal-arja ambjentali u dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali) ġew inklużi wkoll fl-opinjonijiet tal-Fit for Future. L-Opinjonijiet kollha adottati mill-Pjattaforma Fit for Future fl-2021 ġew ippubblikati fuq il-pjattaforma.

Fl-2021 ukoll, ir-RegHub wettaq il-konsultazzjoni f’żewġ stadji tiegħu dwar Regoli tas-seklu 21 għall-infrastruttura tas-seklu 21. Ir-riżultati jipprovdu data għal rapport speċjali tar-RegHub li se jiġi ppreżentat lill-President tal-Pjattaforma Fit for Future, Maroš Šefčovič, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea.

Multimedia

Dokumenti