Stqarrija għall-istampa

Il-Premju għar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew: infetħu l-applikazzjonijiet għall-bliet u r-reġjuni li jippromovu l-innovazzjoni u l-intraprenditorija

F’din il-paġna

  • Intraprenditorija
  • Politika dwar l-SMEs

Il-bliet, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet Ewropej li jixtiequ juru, jikkondividu u jarrikkixxu l-istrateġija u l-esperjenza tagħhom fil-promozzjoni tal-ħolqien, l-innovazzjoni u t-tkabbir tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) issa jistgħu japplikaw għall-edizzjoni tal-2025 tal-premju għar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew (EER), organizzata mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) bi sħubija mad-DĠ GROW tal-Kummissjoni Ewropea.

Permezz tat-tema ġenerali “Ninnegozjaw aħjar fir-reġjuni u l-bliet tal-UE”, l-EER tal-2025 se jenfasizza l-azzjonijiet lokali u reġjonali mmirati lejn l-iżvilupp ta’ ambjent favorevoli għan-negozju, u b’hekk jissaħħu l-kompetittività u r-reżiljenza fit-tul tal-ekonomiji lokali taż-żoni kkonċernati. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jippreżentaw l-istrateġiji tagħhom sal-20 ta’ Marzu 2024.

Il-ftuħ tas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-premju għall-EER 2025 tħabbar matul l-Assemblea tal-SMEs f’Bilbao, l-aktar avveniment sinifikanti għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-Ewropa, organizzat mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-UE.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Vasco Alves Cordeiro, qal: “Is-sindki, il-kunsilliera lokali, il-ministri reġjonali, flimkien mal-amministrazzjonijiet tagħhom, ta’ kuljum jaħdmu biex jipprovdu servizzi pubbliċi ewlenin liċ-ċittadini. Iżda għandhom ukoll l-għodod biex jiżguraw li l-ftuħ, il-ġestjoni u t-tkabbir ta’ negozju fl-Ewropa jsiru aktar sempliċi, ġusti u trasparenti. Illum ninsab kuntent ħafna li qed niftaħ is-sejħa għall-applikazzjonijiet għar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew tal-2025. B’dan il-premju nonoraw lir-reġjuni u ’l-bliet bl-aktar viżjonijiet u strateġiji intraprenditorjali konvinċenti li jħarsu ’l quddiem.”

Fid-dawl tat-tħassib dejjem jikber dwar il-prospetti ekonomiċi fit-tul tal-Ewropa, l-appoġġ għall-SMEs u l-attività intraprenditorjali minn isfel għal fuq huwa waħda mill-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Permezz tal-EER 2025, il-KtR għandu l-għan li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs ippubblikat reċentement, u tal-aġenda strateġika tal-UE għall-politika industrijali u tal-innovazzjoni fil-livell reġjonali u lokali.

It-tikketta tal-EER hija opportunità biex jiġi enfasizzat ir-rwol tal-atturi lokali u reġjonali fit-tneħħija tal-ostakli u l-piżijiet għan-negozju, fit-tmexxija tal-ekonomija tal-UE lejn tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u b’hekk jgħinu lill-SMEs isiru aktar reżiljenti f’xenarju ġeopolitiku li qed jinbidel malajr.

Id-dettalji u l-informazzjoni dwar kif tapplika għall-premju għall-EER tal-2025 jinsabu fuq il-paġna web iddedikata.

Aktar informazzjoni:

Il-premju għar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew (EER) huwa proġett li kull sena jidentifika u jippremja sa 3 territorji tal-UE li qed iwettqu strateġija ta’ politika intraprenditorjali mill-aqwa u innovattiva, irrispettivament mid-daqs, il-ġid jew il-kompetenzi tagħhom. It-territorji bl-iżjed pjan kredibbli, promettenti u li jħares ’il quddiem jingħataw it-tikketta “Reġjun Intraprenditorjali Ewropew” għas-sena ta’ wara.

It-tikketta tal-EER twaqqfet bi sħubija mal-Kummissjoni Ewropea u għandha l-appoġġ ta’ partijiet interessati fil-livell tal-UE, bħalma humaSME United, Eurochambres, Social Economy Europe u EURADA.

Ir-rebbieħa tal-premjijiet għall-EER 2024 kienu: Famalicão (il-Portugall), il-Friuli-Venezia Giulia (l-Italja) u l-Moravia tan-Nofsinhar u Brno (ir-Repubblika Ċeka), b’rikonoxximent speċjali mogħti lir-Reġjun ta’ Małopolskie (il-Polonja).

Ir-rebbieħa tal-edizzjoni tal-2025 se jitħabbru matul is-sessjoni plenarja tal-KtR f’Ġunju 2024.

Aktar informazzjoni dwar il-premju għar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew, inkluża lista tar-rebbieħa preċedenti mill-2011 ’il hawn, tinsab hawnhekk.

Persuni ta’ kuntatt:

Piotr Zajaczkowski

Tel. +32 (0) 22822401

eer-cdr@cor.europa.eu

Għal mistoqsijiet tal-istampa:

Theresa Sostmann

Tel. +32 475999415

Theresa.Sostmann@cor.europa.eu