Juanma Moreno (imwieled fl-1 ta’ Mejju 1970, fi Spanja) huwa politiku Spanjol b’esperjenza estensiva fil-governanza lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropea. Huwa kien il-president tal-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Popolari Spanjol (Partido Popular – PP) f’Málaga fl-1993 u fl-Andalusija fl-1995, qabel ma sar il-president nazzjonali tal-fergħa mill-1997 sal-2001. Minn dak iż-żmien ’il hawn, kellu rwoli fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak Ewropew.
Mill-1995 sal-1997, Juanma Moreno kien kunsillier fil-Kunsill tal-Belt ta’ Malaga. Mill-2000 sal-2011 kien deputat fil-Kungress Spanjol u okkupa l-kariga ta’ Segretarju tal-Istat għas-Servizzi Soċjali u l-Ugwaljanza bejn l-2012 u l-2014. Ilu mill-2015 membru tal-Parlament tal-Andalusija u mill-2018 president tal-Gvern Reġjonali tal-Andalusija, fit-tmun tal-gvern tar-reġjun. Barra minn hekk, ilu president tal-Partit Popolari tal-Andalusija mill-2014.
Fl-2019, Juanma Moreno sar membru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), u fl-2021 inħatar Viċi President. Fl-2022, huwa ħa r-rwol ta’ Viċi President tal-Grupp PPE tal-KtR. Matul dan iż-żmien, huwa serva bħala relatur ta’ Opinjonijiet ewlenin u pparteċipa fid-delegazzjonijiet tal-KtR għall-COP28 u l-COP29.