Is-sessjonijiet plenarji huma preseduti mill-President tal-KtR, u l-għan ewlieni tagħhom huwa li matulhom:
- issir votazzjoni dwar l-opinjonijiet, ir-rapporti u r-riżoluzzjonijiet;
- jiġi adottat il-programm politiku tal-KtR fil-bidu ta’ kull mandat;
- jiġu eletti l-President, l-ewwel Viċi President u l-membri l-oħra tal-Bureau;
- jiġu stabbiliti l-kummissjonijiet ta’ politika fi ħdan l-istituzzjoni;
- jiġi approvat l-abbozz ta’ estimi tad-dħul u l-infiq tal-KtR;
- jiġu riveduti u miftiehma r-Regoli ta’ Proċedura tal-KtR.
Il-kummissjoni rilevanti tal-KtR taħtar membru – magħruf bħala r-relatur – minn fost il-membri tagħha biex jabbozza opinjoni dwar proposta leġiżlattiva li mbagħad jittieħed vot dwarha matul waħda mill-plenarji tal-KtR. Jekk l-opinjoni tirċievi maġġoranza ta’ voti favur (maġġoranza sempliċi), tiġi adottata u tingħadda lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE għal aktar skrutinju.
Il-KtR jista’ wkoll, b’mod proattiv, jadotta pożizzjoni dwar kwistjoni partikolari permezz ta’ opinjoni fuq inizjattiva proprja.
Jekk tixtieq tattendi fiżikament għal sessjoni plenarja, tista’ tapplika għal badge ta’ osservatur billi tirreġistra permezz tal-formola ta’ reġistrazzjoni għall-osservaturi mill-inqas ħamest ijiem qabel il-bidu ta’ plenarja partikolari.