Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza u l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni

CIVEX

Il-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza u l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni (CIVEX) tlaqqa’ flimkien sindki, kunsilliera u rappreżentanti reġjonali u tkopri firxa wiesgħa ta’ suġġetti relatati mal-affarijiet kostituzzjonali u istituzzjonali, l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u d-dimensjoni esterna tal-UE, inklużi t-tkabbir, il-pajjiżi tal-viċinat, u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

© metamorworks / Adobe stock.com

F’din il-paġna

Taħt il-lenti

Dwar

Affarijiet kostituzzjonali u istituzzjonali 

Il-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza u l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni (CIVEX) tikkoordina l-ħidma leġiżlattiva tal-KtR dwar il-futur tal-Ewropa, id-demokrazija, il-governanza f’diversi livelli u d-deċentralizzazzjoni, iċ-ċittadinanza u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni

Il-Kummissjoni CIVEX tiffoka fuq is-sussidjarjetà attiva u r-regolamentazzjoni aħjar u – bħal kummissjonijiet oħra tal-KtR – tikkoopera mal-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Regolamentazzjoni Aħjar u Sussidjarjetà Attiva (Grupp BRASS), li jmexxi l-ħidma dwar il-monitoraġġ tas-sussidjarjetà u jikkoordina l-Grupp ta’ Esperti tas-Sussidjarjetà.

Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

Il-Kummissjoni CIVEX hija responsabbli għal politiki li jikkonċernaw il-migrazzjoni u l-ażil, l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, is-sigurtà u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. 

In-network “Bliet u Reġjuni għall-Integrazzjoni tal-Migranti” jipprovdi pjattaforma politika għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jenfasizzaw eżempji pożittivi ta’ integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati, jaqsmu l-informazzjoni u jippromovu d-diversità biex jinbnew bliet inklużivi u tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali.

Kull sena, il-KtR jagħti wkoll il-Premju “Sindku Paweł Adamowicz” lil dawk li jkunu għamlu sforzi notevoli biex jippromovu l-libertà, is-solidarjetà u l-ugwaljanza, minkejja r-riskji involuti.

Tkabbir tal-UE

Bil-għan li trawwem djalogu politiku mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tat-tkabbir, il-Kummissjoni CIVEX timmaniġġja l-kumitati konsultattivi konġunti (JCC) mal-Albanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro u s-Serbja u l-gruppi ta’ ħidma mal-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo, il-Moldova, it-Turkija u l-Ukrajna. Kull sena, jiġu organizzati laqgħat fi Brussell u fil-pajjiżi msieħba biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba.

Il-KtR, flimkien mal-assoċjazzjonijiet imsieħba tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-UE u l-Ukrajna, nieda l-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna biex jikkoordina l-isforzi konġunti tagħhom għall-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.

Il-politika tal-viċinat tal-UE u s-sħubijiet internazzjonali

Il-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP) u l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) jipprovdu forum politiku għad-djalogu u l-iskambju mal-awtoritajiet lokali u reġjonali minn pajjiżi ġirien fil-Lvant u fil-Mediterran rispettivament. 

Fil-qasam tas-sħubijiet internazzjonali, il-KtR jippromovi inizjattivi ta’ kooperazzjoni deċentralizzata, permezz ta’ djalogu ta’ politika regolari dwar il-lokalizzazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli man-Nazzjonijiet Uniti, u permezz tal-Forum biennali “Bliet u Reġjuni għal Sħubijiet Internazzjonali” li huwa koorganizzat mal-Kummissjoni Ewropea. Il-KtR nieda wkoll l-Inizjattiva ta’ Nikosija biex tiġi promossa l-kooperazzjoni deċentralizzata bejn l-UE u l-Libja u biex jittejbu ħajjet in-nies u l-forniment ta’ servizzi lokali pubbliċi f’kuntest fraġli.

Il-Kummissjoni CIVEX tappoġġja wkoll il-Grupp ta’ Kuntatt KtR-Renju Unit biex tiżgura li jitkompla d-djalogu politiku mar-rappreżentanti tal-gvern lokali u l-amministrazzjonijiet deċentralizzati tar-Renju Unit wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.

Il-Kummissjoni CIVEX tappoġġja l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa. Iż-żewġ istituzzjonijiet jiffukaw fuq il-promozzjoni u t-tisħiħ tad-demokrazija lokali u reġjonali. 

Aktar aħbarijiet

Membri tal-kummissjoni

Avvenimenti passati

Studji u Pubblikazzjonijiet

Dokumenti