Il-kummissjonijiet ta’ politika tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni bdew il-ħidma tagħhom fil-21 ta’ Frar fil-mandat il-ġdid ta’ ħames snin tal-istituzzjoni bl-elezzjoni ta’ presidenti u viċi presidenti ġodda.
Il-laqgħat segwew l-elezzjoni fl-20 ta’ Frar ta’
Kata Tüttő (HU/PSE), membru tal-kunsill tal-belt ta’ Budapest, bħala president tal-KtR u ta’
Juan Manuel Moreno Bonilla (ES/PPE), president tar-reġjun ta’ Andalusija, bħala l-ewwel Viċi President tal-KtR.
Il-presidenti tal-kummissjonijiet ser iservu għal sentejn u nofs, bi rwoli ta’ tmexxija li għandhom jinbidlu bejn is-sitt gruppi politiċi tal-KtR f’nofs it-terminu.
Il-presidenti tal-kummissjonijiet ta’ politika sa nofs l-2027 huma:
- Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza u l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni (CIVEX): Magali Altounian (Renew), kunsillier reġjonali minn Sud-Provence-Alpes-Cote d'Azur.
- Kummissjoni għall-Politika Ekonomika (ECON): Alberto Cirio (IT/PPE), President tar-Reġjun tal-Piemonte.
- Il-Kummissjoni għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija (ENVE): Konstantinos Bakoyannis (EL/PPE), kunsillier muniċipali ta’ Ateni, eks sindku ta’ Ateni (2019-23)
- Kummissjoni għall-Politika Soċjali, l-Edukazzjoni, l-Impjieg, ir-Riċerka u l-Kultura (SEDEC): Heike Raab (DE/PSE), Segretarju tal-Istat ta’ Rheinland-Pfalz.
Is-seba’ kummissjoni fil-KtR – il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi (CAFA) – ser torganizza l-laqgħa inawgurali tagħha fid-19 ta’ Marzu, taħt il-presidenza ta’
Friso Douwstra (NL/PPE), ministru reġjonali tal-provinċja ta’ Friesland.
Il-ħidma tal-kummissjonijiet tal-KtR ġiet aġġornata u ssemplifikata, biex tirrifletti l-prijoritajiet politiċi fiċ-ċiklu politiku l-ġdid tal-UE u l-bidliet organizzattivi fi ħdan l-istituzzjonijiet. Dawn jinkludu titjib fil-ħidma tal-UE dwar id-difiża u l-akkomodazzjoni, rifless fil-ħatra ta’ Kummissarji Ewropej għal dawn id-dossiers. Il-COTER se tmexxi l-ħidma tal-KtR dwar l-akkomodazzjoni, filwaqt li l-ECON se tkun responsabbli għall-industrija tad-difiża. Il-COTER se tikkoordina wkoll il-ħidma tal-KtR dwar il-baġit fit-tul tal-UE – il-Qafas Finanzjarju Pluriennali – bl-ECON tieħu t-tmexxija dwar l-intelliġenza artifiċjali u l-ENVE għal kwistjonijiet tal-ilma.