Finland
Markku MARKKULA
Membru
Member of the Espoo City Council
Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kellu l-aħħar laqgħa tiegħu tal-2025 fit-2 ta’ Diċembru. Il-membri ddiskutew il-pjan direzzjonali tal-grupp ta’ ħidma għall-2026-2027, li jpoġġi l-enfasi fuq ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet fit-tmexxija tat-trasformazzjoni sistemika tal-klima minn isfel għal fuq. Billi n-negozjati dwar il-baġit pluriennali li jmiss tal-UE daħlu f’fażi kruċjali, il-grupp enfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat appoġġ finanzjarju fit-tul għat-tranżizzjoni nadifa u kompetittiva.
Il-pjan direzzjonali jenfasizza li l-isforzi biex jiġu żgurati sorsi tal-enerġija orħos u aktar sostenibbli qed isiru elementi ewlenin biex tiġi ppreservata l-kompetittività ekonomika tal-Ewropa. Dibattitu organizzat mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) iffoka fuq ir-rabtiet bejn l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-aġenda tal-prosperità tal-UE. Il-kelliema enfasizzaw il-benefiċċji tal-applikazzjoni tal-kunċett tar-reżiljenza ambjentali u l-koeżjoni tas-soċjetà fil-livell lokali u reġjonali.
Il-President tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali Markku Markkula (FI/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo, qal: “L-indirizzar tal-isfidi ambjentali persistenti huwa investiment strateġiku fil-prosperità u r-reżiljenza fit-tul tal-UE. Neħtieġu bidla trasformattiva, implimentazzjoni aħjar tal-politiki eżistenti, u integrazzjoni aktar b’saħħitha tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi u soċjali. Il-pjan direzzjonali 2026-27 tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali se jiffoka fuq kooperazzjoni kontinwa u aktar mill-qrib maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), l-EEA, id-DĠ RTD tal-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment, l-ICLEI, u sħab oħra, bl-għan li jippermetti s-simplifikazzjoni, l-appoġġ għall-investimenti, il-kondiviżjoni tal-għarfien, u r-replikazzjoni permezz ta’ Patti Ekoloġiċi Lokali.”
Il-grupp ta’ ħidma ddiskuta wkoll ir-rwol tal-kollaborazzjoni bejn il-bliet u l-industrija fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u fit-tisħiħ tal-ekonomiji lokali, filwaqt li qies l-esperjenzi konkreti tal-Missjoni tal-Bliet u l-azzjonijiet taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Barra minn hekk, il-membri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar il-ġustizzja interġenerazzjonali fil-kuntest tal-politiki ekoloġiċi mar-relatur tal-KtR Tine Radinja (SI/Ħodor), Sindku ta’ Škofja Loka.
Finland
Membru
Member of the Espoo City Council
Slovenia
Membru
Mayor of the Municipality of Škofja Loka