Dwar
Id-deċentralizzazzjoni istituzzjonali hija kruċjali għas-saħħa tas-soċjetajiet demokratiċi, peress li trawwem tmexxija lokali effettiva u tippermetti li l-kwistjonijiet lokali jiġu indirizzati b’mod effiċjenti billi tawtonomizza lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell li huwa l-eqreb taċ-ċittadini.
Il-KtR ilu jappoġġja riċerka li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-livelli ta’ deċentralizzazzjoni istituzzjonali fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi ġirien. Din il-paġna tinkludi l-aktar informazzjoni aġġornata dwar l-istrutturi ta’ governanza differenti f’diversi pajjiżi. Ċerti partijiet mill-pjattaforma preċedenti dwar id-Diviżjoni tas-Setgħat, li ġiet arkivjata f’Ġunju 2026, għadhom jistgħu jiġu kkonsultati.
Id-distribuzzjoni tal-kompetenzi f’kull livell ta’ governanza hija preżentata fl-oqsma ta’ politika li ġejjin u li huma soġġetti għal konsultazzjoni obbligatorja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR): trasport; impjieg; kwistjonijiet soċjali; edukazzjoni; taħriġ vokazzjonali; żgħażagħ u sport; kultura; saħħa pubblika; networks trans-Ewropej; koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; enerġija; ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; kif ukoll f’oqsma ta’ interess partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħall-agrikoltura, is-sajd, l-immigrazzjoni u l-ażil, it-turiżmu u l-protezzjoni ċivili.
Studji
Strutturi ta’ governanza f’diversi livelli fil-pajjiżi tat-tkabbir tal-UE
F’konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-KtR, l-aħħar aġġornament (Marzu 2025) ikopri l-pajjiżi tat-tkabbir tal-UE (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, il-Kosovo, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, it-Turkija u l-Ukrajna). Kull kapitolu jiddeskrivi d-diversi strutturi ta’ governanza fil-pajjiżi rispettivi, imqassma fi 17-il qasam ta’ politika.
Se jingħataw aġġornamenti dwar il-ħidma li tikkonċerna pajjiżi oħra (l-Istati Membri tal-UE u l-viċinat) f’konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-KtR u r-riżorsi disponibbli.
Strutturi ta’ governanza f’diversi livelli fil-Bożnija-Ħerzegovina
Dan l-istudju huwa verżjoni estiża tal-istudju tal-każ inkluż fl-istudju dwar l-istrutturi ta’ governanza f’diversi livelli fil-pajjiżi tat-tkabbir tal-UE. Jagħti ħarsa ġenerali sħiħa lejn il-livelli ta’ deċentralizzazzjoni istituzzjonali fil-Bożnija-Ħerzegovina, u jiddeskrivi l-kompiti attribwiti fil-livelli kollha ta’ governanza lill-korpi amministrattivi tal-Bożnija-Ħerzegovina, il-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika Srpska, id-Distrett ta’ Brčko, l-10 cantons tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, u l-muniċipalitajiet.
Strutturi ta’ governanza f’diversi livelli fl-Armenja u l-Ażerbajġan
Dan l-istudju jagħti ħarsa ġenerali lejn il-livelli ta’ deċentralizzazzjoni istituzzjonali u fiskali, u lejn il-bażijiet legali tad-diversi strutturi ta’ governanza fl-Armenja u l-Ażerbajġan. Il-kooperazzjoni bejn il-KtR u l-Armenja u l-Ażerbajġan ilha teżisti, b’mod partikolari fil-qafas tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP). Dan l-istudju jirrappreżenta t-tlestija tar-riċerka mwettqa dwar id-diviżjoni tas-setgħat fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. Il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna ġew analizzati fl-istudju dwar l-istrutturi ta’ governanza f’diversi livelli fil-pajjiżi tat-tkabbir tal-UE.