Ġrajjiet kurrenti

#EUGreenDeal

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-pjan ambizzjuż tal-Unjoni Ewropea biex il-kontinent isir newtrali għall-klima sal-2050. Dan is-sett komprensiv ta' politiki u regolamenti se jittrasforma l-mod kif ngħixu, nikkunsmaw, niċċaqilqu, naħdmu u nipproduċu l-enerġija. Is-suċċess ta' din l-inizjattiva jiddependi mill-kollaborazzjoni u l-impenn tal-Istati Membri kollha tal-UE, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà kollha kemm hi.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jimpenja ruħu biex jaqdi rwol importanti fil-kisba ta' dan l-objettiv u biex jiżgura li l-perspettivi lokali u reġjonali jkunu dejjem riflessi fil-pjan direzzjonali tal-UE, u b'hekk ħadd ma jitħalla jibqa' lura. Sabiex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika, u biex jiġi żgurat li l-approċċi territorjali jiġu osservati fl-istrateġija storika tal-UE, il-KtR stabbilixxa l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali. Permezz ta' kampanja ta' komunikazzjoni u ta' impenn politiku, il-KtR għandu l-għan li jawtonomizza lill-mexxejja lokali u reġjonali tal-Ewropa biex jieħdu azzjoni fir-rigward tal-kriżijiet tal-klima, tal-ambjent, tal-bijodiversità, tal-enerġija u tat-tniġġis.

Il-mappa #EUGreenDeal hija sforz emerġenti u li qed jevolvi tal-KtR biex juri kif il-bliet u r-reġjuni tal-UE qed jieħdu azzjoni biex jiddekarbonizzaw u jagħmlu l-ekonomija Ewropea effiċjenti fir-riżorsi, u li fi ħdanha jiġu protetti u mtejba l-benesseri u s-saħħa taċ-ċittadini u tan-natura.

Il-ġbir tal-aħjar prattiki huwa l-akbar assi tal-KtR, peress li l-mappa turi kif il-komunitajiet lokali u reġjonali qed jittrasformaw il-mod kif jgħixu, jaħdmu, jipproduċu u jikkunsmaw, u turi wkoll kif qed jippruvaw jiksbu tkabbir ekonomiku ambjentalment sostenibbli u soċjalment ġust. Permezz tal-kondiviżjoni ta' inizjattivi ta' suċċess, bliet u reġjuni oħra jistgħu jiġu ispirati biex jadottaw prattiki simili u jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn futur sostenibbli.

Aqsam magħna l-proġetti, l-inizjattivi, il-politiki jew l-attivitajiet tiegħek li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku! Ibgħat l-aħjar prattika tiegħek permezz tal-istħarriġ tagħna jew permezz ta' ittra elettronika lil enve@cor.europa.eu.

Green deal stories