Dwar il-prospettiva
X’inhi l-prospettiva strateġika?
Il-prospettiva strateġika hija l-prattika li jiġu analizzati xenarji futuri possibbli biex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet aħjar illum. Tiġbor flimkien informazzjoni intuwittiva mill-oqsma tal-maniġment, l-ekonomija, ix-xjenzi soċjali u t-teknoloġija, u fl-istess ħin tisfrutta l-intelliġenza kollettiva b’mod strutturat u sistematiku.
Billi tħares lil hinn miċ-ċikli ta’ politika standard, il-prospettiva tgħin lill-mexxejja jidentifikaw l-opportunitajiet u l-isfidi emerġenti minn kmieni, u b’hekk jaġixxu b’kunfidenza akbar fil-preżent.
Kif taħdem il-prospettiva
Il-prospettiva strateġika tista’ tiġi applikata permezz ta’ firxa ta’ metodi, li kull wieħed minnhom jaqdi skopijiet u kuntesti differenti. L-approċċi ewlenin jinkludu:
- l-analiżi tal-prospettivi li tidentifika x-xejriet emerġenti u l-fatturi ta’ tfixkil
- l-analiżi tal-megatendenzi biex jiġu mifhuma xejriet usa’ ta’ bidla
- l-ippjanar tax-xenarji li jesplora żviluppi futuri possibbli permezz ta’ narrattivi strutturati
Metodi oħra, bħal sessjonijiet ta’ ħidma dwar l-analiżi tal-polikriżi, jappoġġjaw fehim aktar profond billi jiddefinixxu mill-ġdid il-kwistjonijiet u jeżaminaw kif jistgħu jiżvolġu r-riskji interkonnessi.
Ma hemmx mudell uniku għat-twettiq tal-prospettiva, u l-għodod jevolvu skont il-ħtiġijiet reġjonali u lokali. Għal aktar gwida, żur il-JRC – Ċentru ta’ Kompetenza dwar il-Prospettiva.
Approċċ ta’ governanza f’diversi livelli għall-mod ta’ ħsieb fit-tul
Għaliex il-bliet u r-reġjuni jeħtieġu l-prospettiva
Fl-Ewropa kollha, il-bliet u r-reġjuni qed jesperjenzaw tranżizzjonijiet kbar b’mod dirett. Mill-pressjonijiet klimatiċi għad-diġitalizzazzjoni rapida, l-awtoritajiet lokali u reġjonali spiss huma fl-eqreb livell li fih jinħass l-impatt u jridu jirrispondu bl-aktar mod rapidu. Il-prospettiva tipprovdilhom l-għodod meħtieġa biex isarrfu l-inċertezza f’opportunità, u ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jippjanaw u jsawru futuri reżiljenti.
L-impenn tal-KtR għal governanza antiċipatorja
Biex jibqa’ pass ’il quddiem mill-bidla rapida, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) għamel il-prospettiva strateġika parti ewlenija tal-missjoni tiegħu. Fl-2023, il-KtR adotta l-ewwel Opinjoni tiegħu dwar il-prospettiva strateġika, u minn dak iż-żmien ’il hawn saħħaħ ħidmietu orjentata lejn il-futur u ppromova kultura ta’ mod ta’ ħsieb antiċipatorju fl-istituzzjoni kollha.
Din il-ħidma hija ggwidata mill-Konferenza tal-Presidenti u mmexxija politikament mill-Koordinatur tal-Prospettiva, Jelena Drenjanin (SE/PPE), membru tal-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Regolamentazzjoni Aħjar u Sussidjarjetà Attiva.
Attivitajiet ta’ prospettiva fil-KtR
Sessjonijiet ta’ ħidma matul il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet
Kull sena matul l-#EURegionsWeek, il-KtR ilaqqa’ flimkien madwar 60 rappreżentant lokali u reġjonali għal sessjonijiet ta’ ħidma interattivi ta’ prospettiva fi Brussell. Dawn is-sessjonijiet joħolqu spazju miftuħ biex jiġu kondiviżi l-ideat, l-approċċi u l-prattiki emerġenti.
Mill-2023 ’il hawn, ġew organizzati għadd ta’ sessjonijiet ta’ ħidma bil-għan li jintwera kif ir-reġjuni u l-bliet fl-Ewropa kollha qed ipoġġu l-prospettiva fil-prattika – minn laboratorji tal-politika reġjonali għal eżempji fil-livell tal-bliet. Tista’ tara kif dan iseħħ fil-filmati mis-sessjoni ta’ ħidma tal-#EURegionsWeek2024 u l-konferenza tal-#EURegionsWeek 2025.
Jekk tixtieq tieħu sehem fl-edizzjonijiet li ġejjin tal-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, ikkonsulta l-paġna tar-Reġjuni tal-UE biex tirreġistra.
L-implimentazzjoni ta’ prospettiva parteċipattiva
Il-KtR iwettaq eżerċizzji ta’ prospettiva mfassla apposta għall-politiċi lokali u reġjonali, bħal:
- Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali: ostakli għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku
- Kummissjoni CIVEX: il-futur tad-demokrazija u l-governanza f’diversi livelli
Dawn l-eżerċizzji tipikament jagħmlu użu mis-Sistema ta’ Analiżi tax-Xenarji (Scenario Exploration System, SES). L-għan tagħhom huwa li jgħinu lill-politiċi janalizzaw kif xenarji futuri differenti jista’ jkollhom impatt fuq ċerti oqsma ta’ politika ewlenin u li jinkoraġġixxu teħid ta’ deċiżjonijiet reżiljenti u li jħares ’il quddiem.
Il-KtR jorganizza wkoll taħriġ bl-użu ta’ għodod bħall-analiżi kawżali f’diversi livelli u sessjonijiet ta’ ħidma dwar l-analiżi tal-polikriżi. Dawn jistgħu jitwasslu fi sħubija mal-JRC jew mas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew.
Jekk il-belt jew ir-reġjun tiegħek huwa interessat li jinvolvi lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f’attivitajiet simili, il-KtR jista’ jiggwidak.
Prospettiva fil-ħidma analitika
Il-biċċa l-kbira tal-istudji l-ġodda tal-KtR jinkludu komponent ta’ prospettiva, biex jiġi żgurat li l-mod ta’ ħsieb fit-tul jinforma d-diskussjonijiet ta’ politika mill-bidu nett. Pubblikazzjonijiet reċenti analizzaw suġġetti bħall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta jew l-adozzjoni tal-IA u l-IA ġenerattiva mill-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali. Biex tiġi appoġġjata din il-ħidma, tintuża firxa ta’ għodod ta’ prospettiva, flimkien ma’ sessjonijiet ta’ ħidma dwar il-prospettiva.
L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma mħeġġa jħarsu lejn dawn l-istudji għal għarfien prattiku meta jiżviluppaw politiki li jħarsu ’l quddiem.
Kooperazzjoni interistituzzjonali dwar il-prospettiva
Il-kooperazzjoni interistituzzjonali għandha rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ prospettiva tal-KtR. Billi jaħdem mill-qrib ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali, il-KtR jiżgura li l-perspettiva lokali u reġjonali tiġi integrata b’mod sistematiku fil-mod ta’ ħsieb strateġiku fit-tul fil-livell Ewropew.
Pjattaforma ewlenija li tippermetti din il-kooperazzjoni hija s-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki (ESPAS), il-qafas kondiviż tal-UE għall-prospettiva strateġika. Fl-2025, il-KtR ospita l-Jum tal-Ispeċjalisti fil-qasam tal-Prospettiva organizzat mill-ESPAS, li laqqa’ flimkien esperti fil-qasam tal-prospettiva, riċerkaturi, u dawk li jfasslu l-politika mill-UE kollha. Apparti l-avvenimenti, il-KtR jikkontribwixxi għal rapporti ewlenin bħar-Rapport dwar ix-Xejriet Globali 2040 u dokumenti tematiċi tal-ESPAS li janalizzaw sfidi speċifiċi fit-tul bħall-koeżjoni diġitali u l-ġustizzja interġenerazzjonali.
Ninsabu lesti biex ngħinuk tikkontribwixxi l-informazzjoni intuwittiva tiegħek dwar il-futur tal-belt jew ir-reġjun tiegħek f’dawn id-diskussjonijiet fil-livell Ewropew.
L-involviment tar-reġjuni u l-bliet tal-UE fil-prospettiva
Eżempji mill-Ewropa kollha
Hemm għadd dejjem jikber ta’ bliet u reġjuni li qed japplikaw il-prospettiva biex isaħħu r-reżiljenza u l-ippjanar fit-tul. Fosthom:
- Il-Pajjiż Bask u l-Katalonja (ES)
- Breda, Friesland, u Rotterdam (NL)
- L-Estonja Ċentrali u n-Nofsinhar tal-Estonja (EE)
- Il-Maċedonja Ċentrali (EL)
- Flanders, u l-Komunità tal-Belġju li titkellem bil-Ġermaniż (fil-Lvant tal-Belġju) (BE)
- Il-Friuli-Venezia Giulia, u Sardenja (IT)
- Hauts-de-France (FR)
- Helsinki-Uusimaa (FI)
- Krakovja, Podkarpackie, u Varsavja (PL)
- Munich (DE)
- Il-Moravja tan-Nofsinhar (CZ)
Il-KtR jippromovi prattiki tajbin permezz ta’ taħditiet ta’ prospettiva, webinars, u skambji oħra mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ewropa kollha. Il-bliet u r-reġjuni li jwettqu ħidma ta’ prospettiva u jixtiequ jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ oħrajn, jistaqsu mistoqsijiet, jew jibqgħu infurmati dwar inizjattivi futuri huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kumitat.
Bil-għan li jaċċellera l-adozzjoni tal-prospettiva, il-KtR jaħdem ukoll mal-imsieħba permezz tas-Sħubija ta’ Prospettiva Strateġika – proġett tal-Interreg Europe appoġġjat mill-KtR, l-OECD u l-JRC.