L-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi hija network politiku ta’ reġjuni u ta’ organizzazzjonijiet tar-raggruppamenti impenjati favur it-tranżizzjoni b’suċċess tal-industrija awtomobilistika u tal-provvista fl-Ewropa. L-Alleanza hija inizjattiva tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Għandha l-għan li tlaqqa’ flimkien reġjuni b’settur awtomobilistiku u tal-provvista b’saħħtu u organizzazzjonijiet tar-raggruppamenti f’dan il-qasam li jixtiequ jaqdu rwol attiv fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ l-ekosistemi industrijali reġjonali u l-ħolqien tal-valur, kif ukoll li tiżgura l-koeżjoni ekonomika u soċjali f’kull reġjun Ewropew milqut mit-tranżizzjoni. Imsieħeb ewlieni fl-Alleanza huwa l-Grupp Interreġjonali dwar il-Futur tal-Industrija tal-Karozzi tal-Kumitat tar-Reġjuni, li ilu attiv f’dan il-qasam mill-2009. Dan il-Grupp Interreġjonali tal-KtR ser ikun il-faċilitatur ewlieni għall-kooperazzjoni u l-azzjoni futura tal-Alleanza.
L-għanijiet tagħna
L-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi għandha l-għan li tiżgura li t-trasformazzjoni sostenibbli tat-trasport bit-triq u tas-settur awtomobilistiku fl-UE ma tħalli l-ebda reġjun jibqa’ lura.
L-Alleanza tappella għal azzjoni mill-UE biex:
- jiġi stabbilit b’mod urġenti mekkaniżmu Ewropew li jappoġġja tranżizzjoni ġusta, ekwa u ta’ suċċess għar-reġjuni tal-Ewropa b’industrija awtomobilistika u tal-provvista, inkluż billi jiġu ssemplifikati intestaturi baġitarji addizzjonali apposta fid-diversi fondi u programmi Ewropej;
- titwettaq valutazzjoni tal-impatt territorjali dettaljata (fil-livell reġjonali) tal-konsegwenzi tat-trasformazzjoni fis-settur awtomobilistiku bħala punt tat-tluq għall-qafas ta’ tranżizzjoni ġusta, inkluż l-immappjar granulari tal-impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi reġjonali;
- jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet komuni għar-reġjuni u l-SMEs fir-rigward tal-industrija tal-katina tal-provvista awtombolistika, li se tkun affettwata b’mod partikolari mit-tranżizzjoni tas-sistema tal-mototrażmissjoni;
- jingħata appoġġ għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol (reġjonali) sabiex jiġi evitat it-telf ta’ impjiegi fir-reġjuni tagħna. Jeħtieġ li nimmonitorjaw il-provvista u d-domanda tal-ħiliet rilevanti u nantiċipaw id-domanda futura f’kooperazzjoni mill-qrib mal-qafas għall-UE kollha tal-Patt għall-Ħiliet, u speċjalment mal-Alleanza għall-Ħiliet Awtomobilistiċi;
- jiġi żviluppat qafas ta’ riċerka b’saħħtu għat-trasformazzjoni industrijali u l-innovazzjoni fl-industrija awtomobilistika Ewropea, biex tiżdied ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista ta’ materja prima strateġika u kritika;
- tiġi pprovduta flessibbiltà fil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat (inkluż ir-Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija) sabiex ir-reġjuni awtomobilistiċi jkunu jistgħu jiggwidaw u jiġġestixxu din it-trasformazzjoni u jevitaw l-effetti negattivi tagħha; jiġu previsti wkoll miżuri ta’ appoġġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex titħaffef l-adozzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi permezz tal-akkwist pubbliku;
- jingħata appoġġ lir-reġjuni biex jintroduċu stazzjonijiet ta’ riforniment u ta’ ċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku sabiex jiġi promoss l-użu ta’ vetturi elettriċi u vetturi li jużaw fjuwils alternattivi mingħajr emissjonijiet tal-karbonju u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Biex tiġi żgurata l-koeżjoni territorjali u soċjali, huwa essenzjali li dawn l-istazzjonijiet ikunu disponibbli fir-reġjuni kollha u interoperabbli bejn il-fruntieri;
- il-fondi ta’ investiment pubbliċi u privati jiġu kkonċentrati fuq id-diversi soluzzjonijiet teknoloġiċi (eż. l-elettrifikazzjoni, it-teknoloġiji tal-idroġenu u l-fjuwils sintetiċi) sabiex tiġi żgurata l-kompetittività u l-innovazzjoni tal-industrija awtomobilistika fl-Ewropa;
- jiġi stabbilit approċċ ta’ governanza f’diversi livelli u ta’ sħubija fir-rigward ta’ din it-tranżizzjoni bil-għan li jkun hemm pjanar ta’ politika u azzjoni baġitarja adatti u effettivi, kif ukoll djalogu mal-partijiet ikkonċernati kollha u mal-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha, inklużi l-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew;
- din l-Alleanza tiġi appoġġjata bħala l-pjattaforma miftuħa ewlenija għall-koordinazzjoni tar-reġjuni b’settur awtomobilistiku u tal-provvista, sabiex ikunu jistgħu jaħdmu flimkien fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew, u f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ inizjattivi eżistenti sabiex it-tranżizzjoni tkun suċċess.
Struttura tal-governanza
Ir-reġjun tal-presidenza: Grand-Est
Ir-reġjuni tal-kopresidenza: il-Bavarja u l-Pajjiż Bask
Il-ħidma tal-Alleanza hija ggwidata mir-reġjuni tal-presidenza u tal-kopresidenza li jirrappreżentaw l-Alleanza fil-livell politiku u huma responsabbli għall-Konferenza Annwali tal-Alleanza, li matulha tiġi adottata d-Dikjarazzjoni annwali tal-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi (ARA).
Is-sħubija fl-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi hija miftuħa għall-membri jew ir-rappreżentanti kollha tal-gvernijiet reġjonali, inklużi dawk minn reġjuni li mhumiex membri fil-Kumitat tar-Reġjuni. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet tar-raggruppamenti involuti fis-settur awtomobilistiku u r-rappreżentanti nazzjonali mill-Istati Membri li ma għandhomx rappreżentanza sottonazzjonali b’saħħitha huma mistiedna jissieħbu bi status ta’ msieħba.
Il-membri kollha huma rappreżentati fil-livell ta’ ħidma fil-Grupp Sherpa tal-ARA. Il-president tal-Kummissjoni COTER tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huwa r-rappreżentant politiku tal-KtR fi ħdan l-ARA, u l-KtR huwa inkarigat bl-organizzazzjoni tas-segretarjat tekniku.