Aħbarijiet

Allert dwar il-Finanzjament tal-Patt Ekoloġiku – Mejju 2024

F’din il-paġna

  • Effiċjenza enerġetika
  • Ekonomija ċirkolari
  • Politika dwar it-tibdil fil-klima
  • Politika tal-UE dwar l-enerġija
  • Patt Ekoloġiku Ewropew

Din hija l-aħħar edizzjoni tal-Allert dwar il-Finanzjament tal-Patt Ekoloġiku, bullettin ta’ kull xahar b’informazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-inizjattivi ta’ finanzjament li jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika. Din l-edizzjoni toffrilek l-opportunità li tikkontribwixxi għal stħarriġ dwar l-ekonomija ċirkolari fil-bliet u r-reġjuni tal-UE, kif ukoll l-opportunità li tirċievi finanzjament għal proġetti lokali u reġjonali dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, it-trasport reżiljenti u l-mobbiltà intelliġenti. Kompli aqra biex issir taf kif tista’ tibbenefika minn dawn l-inizjattivi!

1. Stħarriġ tal-OECD dwar l-Ekonomija Ċirkolari fil-Bliet u r-Reġjuni fl-UE – Imla l-istħarriġ

Il-belt jew ir-reġjun tiegħek huwa ħerqan li jappoġġja t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari fl-UE? 

L-OECD u l-Inizjattiva għal Bliet u Reġjuni Ċirkolari tal-Kummissjoni Ewropea qed janalizzaw is-sitwazzjoni tal-ekonomija ċirkolari fil-bliet u r-reġjuni fl-UE, l-użu territorjali tal-politiki u l-pjani tal-ekonomija ċirkolari tal-UE, u l-isfidi u l-opportunitajiet involuti fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.

Aqsam l-esperjenza tiegħek billi twieġeb għall-istħarriġ tal-OECD sal-21 ta’ Ġunju 2024.

Ir-riżultati tal-istħarriġ se jiġu inklużi fir-rapport ewlieni tal-OECD dwar “L-Ekonomija Ċirkolari fil-bliet u r-reġjuni tal-UE”, u l-kontributi tiegħek se jgħinu biex jiġu identifikati modi biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari.

2. Orizzont Ewropa – Sejħa ġdida għal proposti dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima

Fil-qafas tal-Missjoni ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat sejħiet ġodda fuq il-Portal tal-UE għall-Finanzjament u l-Offerti bil-għan li tappoġġja l-ideat tiegħek dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-proġetti għandhom l-għan li jappoġġjaw il-Missjoni biex titħaffef it-trasformazzjoni lejn Ewropa reżiljenti għall-klima billi tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-bliet, tar-reġjuni u tal-komunitajiet lokali fir-rigward tat-tibdil fil-klima. Kull proġett se jirċievi għotja ta’ bejn EUR 2 u 27 miljun.

L-applikazzjonijiet huma miftuħa sat-18 ta’ Settembru 2024.

3. Orizzont Ewropa – Sejħa ġdida għal proposti dwar l-azzjoni klimatika, l-enerġija u l-mobbiltà

Il-Kummissjoni Ewropea nediet żewġ sejħiet ġodda għal proġetti taħt il-Programm ta’ Ħidma ta’ Orizzont Ewropa għall-2023-2024 dwar is-suġġetti tal-azzjoni klimatika, l-enerġija u l-mobbiltà. B’kollox, hemm EUR 163,5 miljun disponibbli għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerkadwar it-trasport u l-mobbiltà ekoloġiċi, intelliġenti u reżiljenti.

Applika issa għal sejħiet li jkopru Soluzzjonijiet transsettorjali għat-tranżizzjoni klimatika uServizzi ta’ trasport u ta’ mobbiltà intelliġenti, sikuri u reżiljenti għall-passiġġieri u l-merkanzija.

L-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-5 ta’ Settembru 2024.

4. Bauhaus Ewropea l-Ġdida – Sejħa għal proġetti

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex il-Patt Ekoloġiku Ewropew jissarraf f’bidla tanġibbli fil-prattika, nediet sejħa ġdida għal proposti ta’ proġetti biex tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni dwar proġetti relatati mat-trasformazzjoni tal-viċinati u li dawn jissebbħu, u jsiru sostenibbli u inklużivi. B’total ta’ EUR 17,8 miljun, kull wieħed mit-tliet proġetti se jirċievi finanzjament ta’ bejn EUR 1,8 u 8 miljun.

Sir af aktar dwar is-sejħa u niżżel il-formoli tal-applikazzjoni hawnhekk.

L-iskadenza għall-applikazzjonijiet hija d-19 ta’ Settembru 2024.

Għandek xi mistoqsijiet? 

Jekk jogħġbok ikkuntattja lit-tim tagħna tal-Patt Ekoloġiku fuqgreendeal@cor.europa.eu. Jinsabu lesti biex jgħinuk.

Jekk tlift l-edizzjoni tax-xahar li għadda tal-Allert dwar il-Finanzjament, tista’ ssibha hawnhekk.

Biex ma titlifx l-edizzjonijiet futuri tal-Allert dwar il-Finanzjament tal-Patt Ekoloġiku, abbona għall-bullettin dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali.

Is-segretarjat tal-kampanja tal-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali