Sejħa għal espressjoni ta’ interess: Grupp ta’ Esperti tas-Sussidjarjetà
F’din il-paġna
- Affarijiet kostituzzjonali u istituzzjonali
- Sussidjarjetà u proporzjonalità
Is-sejħa għal espressjoni ta’ interess biex wieħed isir membru tal-Grupp ta’ Esperti tas-Sussidjarjetà issa hija miftuħa!
X’inhu l-Grupp ta’ Esperti tas-Sussidjarjetà?
Il-grupp jikkonsisti minn esperti lokali u reġjonali dwar is-sussidjarjetà fl-Istati Membri kollha tal-UE, li jappoġġjaw l-attivitajiet tal-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Regolamentazzjoni Aħjar u Sussidjarjetà Attiva (Grupp BRASS) u l-ħidmiet konsultattivi tal-KtR.
Il-Grupp BRASS ġie stabbilit fl-2022 mill-Bureau tal-KtR, biex jikkoordina attivitajiet ta’ regolamentazzjoni aħjar u sussidjarjetà. Bħala parti minn sforz usa’ biex tissaħħaħ ir-regolamentazzjoni aħjar, il-Grupp BRASS ippropona li l-gruppi ta’ esperti jiġu integrati f’“Grupp Uniku ta’ Esperti” biex jissaħħaħ l-involviment lokali u reġjonali fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tiżviluppa politika u sett ta’ għodod raffinati għall-mandat 2025-2030. Ladarba jintgħażel, il-Grupp ta’ Esperti tas-Sussidjarjetà jiġi approvat mill-Grupp BRASS.
Għaliex issir membru?
L-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kruċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. Il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil tal-politika hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun effettiva u allinjata mar-realtajiet fil-prattika.
Meta tingħaqad mal-Grupp ta’ Esperti tas-Sussidjarjetà tista’:
• Jikkontribwixxi għall-Programm ta’ Ħidma annwali tal-KtR dwar is-Sussidjarjetà, billi jirrakkomanda inizjattivi prijoritarji mill-Programm ta’ Ħidma annwali tal-Kummissjoni Ewropea li għandhom ikunu soġġetti għal analiżi tas-sussidjarjetà
• Jipprovdi valutazzjonijiet tas-sussidjarjetà (imressqa qabel l-adozzjoni tal-Opinjoni tal-KtR) dwar inizjattivi adottati fil-Programm ta’ Ħidma tal-KtR dwar is-Sussidjarjetà
• Jipprovdi valutazzjonijiet spontanji tas-sussidjarjetà dwar il-politika u l-proposti leġiżlattivi tal-UE
• Jipparteċipa fil-Konferenza biennali tal-KtR dwar is-Sussidjarjetà
Min jista’ japplika?
• Esperti minn reġjuni b’setgħat leġislattivi
• Esperti minn awtoritajiet lokali u reġjonali mingħajr setgħat leġislattivi
• Esperti li jirrappreżentaw assoċjazzjonijiet nazzjonali jew Ewropej tal-awtoritajiet lokali u reġjonali
• Esperti li jirrappreżentaw id-delegazzjonijiet nazzjonali tal-KtR
Il-membri jintgħażlu abbażi tal-għarfien espert tagħhom fis-sussidjarjetà u l-isfond b’saħħtu tagħhom fil-liġi tal-UE.
Kif tapplika?
Biex tapplika, imla l-formola tal-applikazzjoni sal-31 ta’ Mejju 2025. Jekk għandek xi mistoqsijiet, jekk jogħġbok ikkuntattja lis-Segretarjat tal-Kummissjoni CIVEX fuq subsidiarity@cor.europa.eu.
Nistennew bil-ħerqa li nirċievu l-applikazzjoni tiegħek!