Dwarna
X’inhi l-Alleanza?
L-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna nħolqot mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-assoċjazzjonijiet tar-reġjuni u l-bliet Ukreni u tal-UE f’Ġunju 2022, wara l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja.
L-Alleanza tlaqqa’ flimkien l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-UE u l-Ukrajna biex jikkoordinaw l-isforzi konġunti b’appoġġ għal rikostruzzjoni effettiva tal-Ukrajna. Għandha l-għan ukoll li tistabbilixxi sinerġiji mal-proċess ta’ adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE, li huwa segwit mill-qrib mill-Grupp ta’ Ħidma tal-KtR dwar l-Ukrajna.
L-Alleanza tappoġġja l-irkupru deċentralizzat tal-Ukrajna u d-djalogu u l-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, primarjament fil-kuntest tal-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna. Tikkoopera wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-imsieħba għall-iżvilupp biex jiġu indirizzati b’mod sinifikanti l-ħtiġijiet tal-bliet u r-reġjuni u jiġi rikonoxxut ir-rwol ewlieni tagħhom għal irkupru sostenibbli.
Il-membri tal-Alleanza jirrispettaw il-prinċipji ewlenin ta’ governanza tajba, żvilupp ekonomiku lokali u l-bini mill-ġdid aħjar. Barra minn hekk, jirrispettaw l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna kif ukoll il-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali.
X’tagħmel l-Alleanza?
L-Alleanza tiltaqa’ kull sena f’livell politiku biex tiddiskuti kwistjonijiet strateġiċi u tadotta dikjarazzjonijiet politiċi fid-dawl tal-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna. Hija tappella biex jitqiesu d-dimensjoni lokali tar-rikostruzzjoni u l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti bis-sħiħ fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-proġetti kollha ta’ rikostruzzjoni ta’ rilevanza lokali u reġjonali.
Torganizza wkoll laqgħat regolari fil-livell ta’ ħidma biex tiġi kondiviża informazzjoni dwar proġetti u inizjattivi rilevanti, jiġu identifikati l-ħtiġijiet u l-isfidi ewlenin tal-bliet u r-reġjuni u jiġu kkoordinati azzjonijiet speċifiċi.
L-Alleanza tagħti attenzjoni speċjali lis-sħubijiet intermuniċipali li jikkontribwixxu għall-bini tal-kapaċitajiet, joħolqu opportunitajiet ta’ benefiċċju għal kulħadd u jtejbu l-kuntatti bejn il-persuni. F’dan ir-rigward, forum ta’ networking u proġetti ddedikati bħal TIPS4Ukraine u ċ-Ċentru ta’ Sħubijiet Ewropej fil-qafas tal-inizjattiva U-LEAD with Europe jirrappreżentaw kisbiet konkreti.