Portugal
Vasco ALVES CORDEIRO
Membru
Member of the Regional Assembly of the Azores
Il-Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija li għadha kif tnediet u li ġiet żviluppata flimkien maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ tippreżenta 49 rakkomandazzjoni għal-livelli Ewropej, nazzjonali u sottonazzjonali.
Iż-żieda fl-edukazzjoni ċivika, it-tnaqqis tal-età tal-vot u l-appoġġ liż-żgħażagħ biex joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni permanenti maż-żgħażagħ, it-tqegħid ta’ leġiżlazzjoni ġdida għal test taż-żgħażagħ, it-tisħiħ tal-programmi tal-UE għaż-żgħażagħ; dawn huma wħud mir-rakkomandazzjonijiet fil-Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija. Bl-appoġġ tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, il-Karta nħolqot b’mod konġunt fi proċess minn isfel għal fuq ma’ rappreżentanti minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u rappreżentanti lokali u reġjonali eletti żgħażagħ madwar l-UE u ġiet iffirmata fis-sessjoni plenarja tal-KtR fl-1 ta’ Diċembru matul dibattitu dwar iż-żgħażagħ u l-futur tal-Ewropa.Il-Karta tressaq 49 rakkomandazzjoni mmirati lejn l-iffaċilitar u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni demokratika taż-żgħażagħ fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej. L-għan huwa li jinbena u jiġi kkonsolidat spazju demokratiku favur iż-żgħażagħ biex jiġi żgurat li l-ilħna taż-żgħażagħ ikunu rappreżentati formalment, kontinwament u b’mod permanenti fl-Unjoni Ewropea. Il-Karta ġiet iffirmata matul id-dibattitu li mmarka t-tmiem tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, li kien jinkludi skambju ma’ Margaritis Schinas, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna, rappreżentanti tas-sezzjonijiet taż-żgħażagħ tal-partiti politiċi Ewropej u membri tal-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ tal-KtR. Dan kien jinkludi wkoll stejjer ta’ suċċess mill-Kapitali Ewropej taż-Żgħażagħ 2023 u 2024, Lublin (il-Polonja) u Ghent (il-Belġju), filwaqt li ċċelebra t-titolu tal-2025 li għadu kif ingħata lil Lviv (l-Ukrajna).
Vasco Alves Cordeiro, il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Membru tal-Parlament Reġjonali tal-Azores, qal: “Il-Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija, approvata formalment mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni llum, hija r-riżultat ta’ proċess ta’ kokreazzjoni li jlaqqa’ flimkien liż-żgħażagħ, lill-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ, lill-politiċi lokali żgħażagħ kif ukoll lir-rappreżentanti lokali u reġjonali. Din il-Karta hija gwida għalina, iżda wkoll għall-awtoritajiet pubbliċi kollha fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej, biex inkomplu naħdmu maż-żgħażagħ għal aktar parteċipazzjoni, aktar awtonomizzazzjoni u, fuq kollox, niżguraw id-drittijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi tagħhom, biex is-soċjetajiet u t-territorji tagħna jsiru aħjar għall-futur.”
Silja Markkula, il-President tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, qalet: “Il-Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija tapprofondixxi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u ż-żgħażagħ li jirrappreżentaw. Neħtieġu aktar spazji demokratiċi u spazji demokratiċi aħjar, fejn iż-żgħażagħ iħossuhom sikuri biex jinvolvu ruħhom fil-bini tal-komunità u fid-demokrazija, kemm online kif ukoll offline. Jien kburi bil-karta li qed niffirmaw illum, li għaliha kkontribwew diversi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Dan huwa pjan ta’ azzjoni mhux biss għal involviment sinifikanti taż-żgħażagħ fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew. Huwa wkoll eżempju ta’ kif iż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jaħdmu flimkien biex jgħollu r-rappreżentanti taż-żgħażagħ u l-kontributi tagħhom.”
Margaritis Schinas, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: “Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 wasslet għal kisbiet ewlenin. Is-sensibilizzazzjoni permezz ta’ attivitajiet ta’ involviment u sensibilizzazzjoni bħalissa hija aktar minn 150 miljun Ewropew, b’aktar minn 7700 attività mmappjati fuq il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet li jmiss se tkun tista’ tibni fuq is-suċċessi tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, li fittxet li tagħti s-setgħa, tonora, tappoġġa u tinvolvi liż-żgħażagħ, inklużi dawk b’inqas opportunitajiet.”
Bħala parti mid-dibattitu, il-membri tal-KtR adottaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom għall-Futur tal-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ b’Opinjoni li tappella għal riflessjoni ġdida u olistika dwar il-politika taż-żgħażagħ, l-integrazzjoni tal-perspettiva taż-żgħażagħ fl-oqsma ta’ politika kollha u parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-bini tal-futur tal-Ewropa. Ir-relatur Tine Radinja (SI/Ħodor), Sindku ta’ Škofja Loka, qalet: “L-Opinjoni dwar il-Futur tal-Politika tal-UE dwar iż-Żgħażagħ hija l-kontribut tal-KtR għall-wirt politiku tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ. Bl-Opinjoni nippromwovu approċċ trasversali u komprensiv għall-qasam taż-żgħażagħ u nindirizzaw il-bosta oqsma ta’ politika importanti għaż-żgħażagħ, mill-edukazzjoni u l-impjiegi sal-akkomodazzjoni u s-sigurtà soċjali kif ukoll it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Nappellaw għall-inklużjoni tal-perspettivi taż-żgħażagħ fl-oqsma kollha ta’ politika, bħala legat b’saħħtu għas-Sena.”
Il-proċess ta’ kokreazzjoni tal-Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija tnieda f’Marzu 2022 fid-9 Summit tar-Reġjuni u l-Bliet f’Marsilja mill-President preċedenti tal-KtR, l-Ewwel Viċi President attwali Apostolos Tzitzikostas, li qal: “Sabiex iż-żgħażagħ jingħataw is-setgħa li jsolvu l-kriżi attwali jew futura, huma għandhom ikunu involuti malajr kemm jista’ jkun fil-governanza ta’ dinja globalizzata. L-involviment taż-żgħażagħ irid jiġi ggarantit permezz ta’ atti konkreti: id-dritt tal-vot fl-età ta' 16-il sena fl-elezzjonijiet Ewropej u li jitressqu inizjattivi taċ-ċittadini, kif ukoll billi jiġu promossi referenda."
L-abbozzar tal-Karta involva wkoll mill-qrib il-, tal-Kummissjoni SEDEC tal-KtR ippresedut minn Tanya Hristova (BG/PPE), u l-, tal-Kummissjoni CIVEX ippresedut minn Enzo Bianco (IT/PSE).
Aktar informazzjoni:
Il-Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija tressaq rakkomandazzjonijiet lil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej, b’enfasi fuq: l-edukazzjoni, il-kooperazzjoni u l-informazzjoni; l-emanċipazzjoni, it-tmexxija u l-parteċipazzjoni demokratika taż-żgħażagħ; ir-rwol tat-teknoloġiji l-ġodda u d-diġitalizzazzjoni; u l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-politiki u r-rappreżentanza politika. Il-proposti nġabru permezz ta’ proċess parteċipattiv minn isfel għal fuq inklużi preżenza fiżika u konsultazzjonijiet online, attivitajiet iddedikati tal-media soċjali u avvenimenti lokali.
Ir-reġistrazzjoni tad-dibattitu ser tkun disponibbli fuq l-EBS u fuq is-sit web tal-KtR. Ritratti b’riżoluzzjoni għolja mis-sessjoni plenarja tal-KtR huma disponibbli wkoll.
Persuna ta' kuntatt:
Monica Tiberi
Kelliem tal-President Cordeiro
Tel. +32 479 51 74 43
Lauri Ouvinen
Uffiċjal tal-istampa tal-KtR
Tel. +32 473 53 68 87
Rafael Shilhav
Forum Ewropew taż-Żgħażagħ – Direttur tal-Komunikazzjoni u r-Relazzjonijiet Esterni
Tel. +32 490 11 36 76
Portugal
Membru
Member of the Regional Assembly of the Azores
Bulgaria
Membru
Mayor of Gabrovo Municipality
Slovenia
Membru
Mayor of the Municipality of Škofja Loka