Abbozzi ta’ opinjonijiet mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jesprimu tħassib dwar l-impatt tar-riformi baġitarji proposti.
Fl-24 ta’ Settembru, il-membri tal-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza u l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni (CIVEX) tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni approvaw Opinjoni dwar il-kooperazzjoni tal-UE mar-reġjuni u l-bliet Afrikani u ddiskutew il-kooperazzjoni mal-gvernijiet sottonazzjonali tal-Ukrajna kif ukoll it-theddida dejjem tikber għall-valuri tal-UE, inkluża d-demokrazija lokali, minħabba d-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni.
Id-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza u l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni (CIVEX) se jappoġġjaw il-ħidma tal-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna, se jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-impatt tad-diżinformazzjoni fuq il-ħidma tal-gvernijiet sottonazzjonali, u se jinfurmaw ir-rieżami ppjanat tal-UE tal-approċċ strateġiku tagħha għall-Afrika.
L-aġenda u r-reġistrazzjoni tal-laqgħa huma disponibbli hawnhekk.
l-Afrika
L-Opinjoni tas-CIVEX dwar l-Afrika – bit-titolu“Ir-reġjuniu l-muniċipalitajiet li jimplimentaw l-Istrateġija tal-UEmal-Afrika” – tappella għal involviment akbar tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni tal-prijoritajiet u l-azzjonijiet li jaffettwaw ir-reġjuni u l-bliet tal-Afrika.
L-abbozz ta’ Opinjoni, li l-kummissjoni approvat unanimament, huwa skedat għall-adozzjoni mis-sessjoni plenarja tal-KtR f’Novembru 2024. L-Opinjoni waslet fi żmien meta qed tiġi ffurmata Kummissjoni Ewropea ġdida u sitt xhur qabel Kummissjoni ġdida tal-Unjoni Afrikana. Il-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE u tal-Afrika għandhom jorganizzaw l-ewwel summit tagħhom fi tliet snin fl-2025. L-UE tibqa' l-akbar sieħeb kummerċjali, investitur u donatur tal-Afrika.
Ir-relatur tal-KtR, Guido Milana (IT/RE), membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Olevano Romano, identifika l-effiċjenza enerġetika, l-ambjent, it-trasport, l-adattament għat-tibdil fil-klima, u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili bħala oqsma ta’ prijorità għall-kooperazzjoni mal-gvernijiet sottonazzjonali tal-Afrika. Huwa appella għal tisħiħ tal-kapaċità tad-delegazzjonijiet tal-UE biex jikkollaboraw mal-istituzzjonijiet sottonazzjonali u żieda fil-finanzjament għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Afrika. L-Opinjoni tiegħu tenfasizza li 65 % tal-miri tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030 jirrikjedu li jintlaħaq l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.
Is-Sur Milana qal: "Li jkun hemm rabtiet bejn is-sistema Ewropea u s-sistemi lokali fl-Afrika ser jgħin kwalunkwe tip ta' proċess. Dak li qed jiġri fl-Afrika huwa dak li ġara fl-Ewropa fil-bidu tas-sittinijiet – proċess kbir ta’ urbanizzazzjoni, tal-konċentrazzjoni ta’ abitanti fi bliet kbar, bid-depopolazzjoni ta’ żoni periferiċi. Hemm bżonn ta’ involviment akbar tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni tal-prijoritajiet u l-azzjonijiet b’impatt territorjali.”
L-Ukrajna
L-Ukrajna qed tiffaċċja “probabbilment l-agħar xitwa” mill-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja minħabba l-bumbardament tal-infrastruttura tal-enerġija, qal Serhii Tereshko, viċi kap tal-missjoni tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea, lill-membri tas-CIVEX. Huwa ħeġġeġ lill-komunitajiet fl-UE jikkunsidraw kif jistgħu jgħinu, u qal li “appoġġ lokali ħafna jista’ jkun ta’ għajnuna kbira” u żied jgħid li “huwa importanti wkoll” li l-politiċi lokali u reġjonali tal-Ukrajna “jisimgħu messaġġi ta’ solidarjetà”.
“Kooperazzjoni bejn il-bliet, bejn ir-reġjuni, bejn il-komunitajiet għall-finijiet tat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Ukrajna f’termini tal-gwerra Russa u t-tħejjija għar-rikostruzzjoni futura” kien wieħed mit-tliet oqsma ta’ prijorità għall-kooperazzjoni sottonazzjonali mal-UE, qal is-Sur Tereshko. Ieħor huwa l-involviment tal-Ukrajna fi programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera, bħall-istrateġija tad-Danubju, l-Interreg u l-ESPON. It-tielet prijorità hija li jiġi żgurat appoġġ biex tinbena l-kapaċità istituzzjonali tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali tal-Ukrajna,
Huwa faħħar il-ħidma li saret fit-tliet oqsma mill-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna, li l-KtR waqqaf u jamministra b’mod konġunt, u mill-KtR, li, pereżempju, issa jservi bħala uffiċċju reġjonali għal xi reġjuni, bliet u assoċjazzjonijiet territorjali Ukreni.
Aleksandra Dulkiewicz (PL/PPE), sindku ta’ Gdańsk u president tal-Grupp ta’ Ħidma tal-KtR dwar l-Ukrajna, enfasizzat il-ħtieġa li jiżdied l-għadd ta’ kooperazzjoni sottonazzjonali bejn il-pari, u qalet li “madwar nofs il-hromadas [komunitajiet] fl-Ukrajna ma għandhom l-ebda msieħeb fl-Ewropa”.
Id-demokrazija u l-valuri tal-UE
Il-bliet madwar l-Unjoni Ewropea qed jirrapportaw li d-diżinformazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda qed isiru sfidi dejjem aktar sinifikanti għalihom, li jimminaw il-fiduċja fl-uffiċjali eletti, fl-istituzzjonijiet lokali, u fil-kapaċità tal-amministrazzjonijiet li jipprovdu servizzi b’mod effettiv lill-komunitajiet tagħhom.
Waqt li kien qed jitkellem f’dibattitu dwar l-isfidi demokratiċi li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni u l-bliet, Simeon Dukić tan-Network ta’ Bliet b’Saħħithom qal li l-politiċi u l-uffiċjali lokali nisa huma partikolarment soġġetti għal fastidju u għal doxxing, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni privata għal skopijiet malizzjużi. Huwa żied jgħid li l-impatt tal-kriżijiet globali – bħall-kunflitt bejn Iżrael u Gaża, il-gwerra fl-Ukrajna, u l-klima – issa qed jikber madwar il-bliet fl-Ewropa, b’kampanji assoċjati ta’ diżinformazzjoni u miżinformazzjoni li jfixklu l-isforzi muniċipali biex jiġu integrati l-komunitajiet u biex isiru dibattiti pubbliċi dwar il-politiki lokali.
Id-dibattitu tas-CIVEX segwa l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’Ġunju li kienu mtappna minn każijiet ta’ vjolenza u intimidazzjoni, kif ukoll minn diżinformazzjoni u miżinformazzjoni. Fit-tħejjija għall-elezzjonijiet, Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, wiegħdet li toħloq Tarka tad-Demokrazija Ewropea biex tiġġieled id-diżinformazzjoni, li tibni fuq il-Pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija maqbul f’Diċembru 2023 u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali adottat fl-2022. Fl-“AġendaStrateġika 2024-2029”tagħhom, ippubblikata f’Lulju 2024, il-mexxejja nazzjonali tal-UE wiegħdu “li nsaħħu r-reżiljenza demokratika tagħna”, filwaqt li identifikaw bħala prijorità waħda “il-ġlieda kontra t-tentattivi ta’ destabbilizzazzjoni, inkluż permezz tad-diżinformazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda”.
Patrick Molinoz (FR/PSE), il-President tas-CIVEX u l-Viċi President tar-Reġjun ta’ Bourgogne-Franche-Comté, qal: “Is-saħħa tad-demokrazija tagħna tiddependi mir-rispett għad-drittijiet fundamentali, għall-valuri Ewropej u għall-istat tad-dritt. Naħseb li bħala rappreżentanti lokali ninsabu f’pożizzjoni tajba ħafna biex nidentifikaw ir-riskji u t-theddid u biex nikkontribwixxu għall-mandat tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss u għall-Aġenda Strateġika tal-UE. Hemm dgħjufijiet reali."