Prijoritajiet għall-perjodu 2025-2030

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jappella għal koeżjoni, reżiljenza u prossimità aktar b’saħħithom biex tinbena Unjoni Ewropea aktar ġusta, aktar reattiva u ffukata fuq in-nies.

F’din il-paġna

Koeżjoni

Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija objettiv fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li jitnaqqsu d-disparitajiet bejn ir-reġjuni u jiġi żgurat żvilupp ibbilanċjat fit-territorji kollha. L-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma fl-aħjar pożizzjoni biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-komunitajiet tagħhom, huwa essenzjali biex dan jinkiseb. 

F’dan il-kuntest, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jenfasizza l-importanza li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta’ wara l-2027 jitfassal fi sħubija mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. B’mod ġenerali, jeħtieġ li jissaħħaħ il-prinċipju tas-sħubija u jiġu evitati t-tendenzi ta’ ċentralizzazzjoni li jistgħu jdgħajfu l-governanza lokali. 

Il-KtR jippromovi strumenti finanzjarji b’saħħithom, awtonomija fiskali akbar fil-livell reġjonali, u sorsi ġodda ta’ dħul tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi futuri b’tali mod li jibqgħu allinjati mal-prijoritajiet fit-tul tal-UE. Barra minn hekk, huwa kruċjali li tiġi approfondita l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, jitrawwem ambjent ta’ investiment aktar favorevoli, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u jittejbu l-oqfsa regolatorji billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi.

Il-prijorità ewlenija tagħna tal-koeżjoni tikkonċerna fost l-oħrajn:

  • il-kompetittività;
  • il-baġit tal-UE;
  • tranżizzjoni ġusta;
  • akkomodazzjoni sostenibbli u affordabbli.

Reżiljenza

F’sens wiesa’, ir-reżiljenza hija l-kapaċità ta’ reazzjoni għal diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem, theddid għas-sigurtà u instabbiltà ekonomika u politika fl-UE u fil-bqija tad-dinja. Il-kisba tar-reżiljenza tiddependi minn kooperazzjoni mill-qrib fil-livelli kollha ta’ governanza u trid tinkludi t-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jirreaġixxu għal forom differenti ta’ kriżijiet permezz ta’ strumenti u mezzi finanzjarji adegwati. 

Il-KtR jappella għal koordinazzjoni u finanzjament imtejba biex ir-reġjuni jiġu megħjuna jimmaniġġjaw tranżizzjonijiet ewlenin u l-impatti tal-kriżijiet. Jappella wkoll għall-awtonomizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’oqsma bħall-azzjoni klimatika, is-sigurtà tal-enerġija, u l-ġestjoni tal-ilma.

Il-prijorità ewlenija tagħna tar-reżiljenza tikkonċerna fost l-oħrajn:

  • il-kooperazzjoni transfruntiera;
  • it-tibdil fil-klima;
  • ir-reżiljenza tal-ilma;
  • enerġija nadifa, sigura u affordabbli;
  • is-saħħa;
  • l-agrikoltura;
  • is-sigurtà.

L-appoġġ sod tal-KtR għall-bliet u r-reġjuni tal-Ukrajna, li huwa espress permezz tal-Alleanza għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna, huwa wkoll investiment fir-reżiljenza tal-bliet u r-reġjuni tal-UE peress li jipprovdi l-opportunità li wieħed jitgħallem mill-esperjenza tal-imsieħba Ukreni.

Prossimità

L-għan ta’ din il-prijorità huwa li l-Unjoni Ewropea (UE) titqarreb lejn iċ-ċittadini tagħha billi l-gvernijiet lokali u reġjonali jiġu awtonomizzati biex jirrispondu b’mod effettiv għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħhom. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jenfasizza li l-fiduċja fl-UE tinbena fil-livell lokali, u huwa proprju f’dan il-livell li l-istituzzjonijiet huma l-aktar konnessi mal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. It-tisħiħ tal-governanza lokali jgħin biex jiġu indirizzati sfidi ewlenin bħat-tibdil demografiku, l-inklużjoni soċjali, u l-għoti ta’ servizzi pubbliċi. Il-KtR jenfasizza l-importanza tal-involviment taċ-ċittadini speċjalment fost iż-żgħażagħ u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur inizjattivi li jippromovu l-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u t-tiġdid demokratiku fir-reġjuni tal-Ewropa.

Il-prijorità ewlenija tagħna tal-prossimità tikkonċerna fost l-oħrajn:

  • it-tibdil demografiku;
  • id-demokrazija lokali;
  • l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
  • iż-żgħażagħ.

Inizjattivi

Dokumenti