Kummissjoni għar-Riżorsi Naturali

NAT

Il-Kummissjoni NAT tlaqqa’ flimkien lis-sindki, il-kunsilliera u l-presidenti reġjonali biex jiddiskutu firxa wiesgħa ta’ suġġetti relatati mal-iżvilupp rurali, is-saħħa, l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, il-protezzjoni ċivili, il-protezzjoni tal-konsumatur u t-turiżmu.

© Pand P Studio / Adobe stock.com

F’din il-paġna

Taħt il-lenti

Dwar

Il-Kummissjoni għar-Riżorsi Naturali (NAT) tikkoordina l-ħidma leġiżlattiva tal-KtR dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti relatati mal-politika agrikola, il-politika dwar l-ikel, l-iżvilupp rurali, il-protezzjoni ċivili, is-saħħa pubblika, il-forestrija, it-turiżmu, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-politika marittima – l-ekonomija blu u s-sajd, il-bijoekonomija u l-ħamrija.

Il-futur tal-agrikoltura u l-ikel

Il-Kummissjoni NAT tiffoka fuq diversi oqsma ewlenin li huma relatati mal-futur tal-agrikoltura u l-ikel. Il-Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel tal-Kummissjoni Ewropea ser tkun gwida politika għall-proposti leġiżlattivi dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK) wara l-2027. Il-Kummissjoni NAT ser tinsisti biex ir-rakkomandazzjonijiet tagħha jitqiesu fil-proposti leġiżlattivi futuri, u ser tenfasizza d-dimensjoni reġjonali tal-PAK.

Il-Kummissjoni NAT timpenja ruħha biex issib soluzzjonijiet li jsaħħu r-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel lokali u reġjonali, u fl-istess ħin tippromovi s-sostenibbiltà fi ħdan il-katina tal-provvista agroalimentari. Il-kummissjoni tirrakkomanda l-użu ta’ għodod bħall-akkwist pubbliku tal-ikel, ktajjen tal-provvista iqsar, u l-iskema għall-iskejjel tal-UE biex jissaħħu l-ekonomiji reġjonali.

Reżiljenza 

Ir-reżiljenza hija l-kapaċità li nantiċipaw, nippreparaw għax-xokkijiet u nirreżistuhom, u fl-istess waqt nitgħallmu minnhom għall-futur. Il-pandemija tal-COVID-19, il-gwerer fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani u l-eventi ta’ temp estrem ilkoll wasslu biex il-bliet u r-reġjuni tagħna jesperjenzaw direttament kemm jistgħu jkunu fraġli l-istabbiltà u l-benesseri tagħhom. Ħareġ fid-dieher li l-aktar sfida importanti għaż-żoni rurali, il-bliet u r-reġjuni Ewropej hija l-kapaċità tagħhom li jippreparaw għall-kriżijiet, ilaħħqu magħhom u jirkupraw minnhom. 

Il-Kummissjoni NAT ser tiffoka l-attenzjoni politika tagħha fuq il-kwistjoni tar-reżiljenza u l-preparatezza taż-żoni rurali, il-bliet u r-reġjuni. Il-kwistjoni tal-vulnerabbiltajiet u l-modi ta’ kif dawn jistgħu jingħelbu ser jiġu analizzati fl-oqsma ta’ politika kollha tan-NAT bil-għan li jinkiseb l-objettiv ġenerali: li t-territorji tagħna jsiru aktar b’saħħithom u aktar preparati biex jifilħu għall-kriżijiet u jegħlbuhom.

Dashboard tal-Vulnerabbiltà

Id-Dashboard tal-Vulnerabbiltà hija għodda interattiva mitluba mill-KtR u żviluppata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea. L-istrument tal-indikatur tal-vulnerabbiltà huwa magħmul minn ħames dimensjonijiet (dimensjoni soċjali, ekonomika, politika, ambjentali u fiżika) u l-għan tiegħu huwa li jgħin fil-fehim, il-kejl u l-monitoraġġ tal-vulnerabbilità tal-Ewropa għad-diżastri. L-għodda timmonitorja sal-livell NUTS3 u tkejjel l-evoluzzjoni tar-riskji maż-żmien. Tista’ tgħin ukoll lil dawk li jfasslu l-politika jieħdu deċiżjonijiet għal azzjoni biex itejbu r-reżiljenza tal-komunitajiet tagħhom għad-diżastri.

Il-mappa tal-istorjaSuccess Stories of Investing in Disaster Resilience ” (Stejjer ta’ Suċċess ta’ Investiment fir-Reżiljenza għad-Diżastri) tippreżenta ħames eżempji tal-aqwa prattika li jservu ta’ ispirazzjoni u li jenfasizzaw kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ewropa kollha qed jinvestu b’mod effettiv fir-reżiljenza għad-diżastri.

Premjijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika 

Il-Kummissjoni NAT hija involuta wkoll fl-organizzazzjoni tal-Premjijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, COPA-COGECA u IFOAM Organics Europe. Dawn il-premjijiet huma opportunità biex tiġi rikonoxxuta l-ħidma ta’ atturi differenti fil-katina organika li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impatt tal-agrikoltura tagħna fuq il-klima u l-ambjent.

Aktar aħbarijiet

Membri tal-kummissjoni

Avvenimenti futuri

Avvenimenti passati

Multimedia

Studji u Pubblikazzjonijiet

Ritratti

Dokumenti