Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna
Il-KtR nieda din l-Alleanza f’Ġunju 2022 flimkien mal-assoċjazzjonijiet imsieħba tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-UE u mill-Ukrajna, biex jiġu appoġġjati l-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.
Il-KtR jospita s-segretarjat tal-Alleanza u jorganizza avvenimenti, sessjonijiet ta’ ħidma u konferenzi f’isimha. L-enfasi politika ewlenija hija l-parteċipazzjoni annwali tal-Alleanza fil-Konferenzi internazzjonali dwar l-Irkupru tal-Ukrajna, li matulhom jitressqu rakkomandazzjonijiet konġunti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE u tal-Ukrajna.
Grupp ta’ Ħidma tal-KtR dwar l-Ukrajna
Il-Grupp ta’ Ħidma jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna billi jlaqqa’ flimkien il-membri tal-KtR, l-istituzzjonijiet tal-UE, u r-rappreżentanti mill-bliet, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali Ukreni. Flimkien mal-azzjonijiet ta’ appoġġ tal-KtR u fid-dawl tad-deċiżjonijiet importanti meħuda mill-UE fir-rigward tal-futur Ewropew tal-Ukrajna, il-Grupp ta’ Ħidma huwa l-korp politiku li jimmonitorja l-iżviluppi fl-Ukrajna b’attenzjoni partikolari għar-riforma favvur id-deċentralizzazzjoni, il-bini tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-allinjament mal-acquis tal-UE dwar il-politika reġjonali.
Pakkett ta’ appoġġ ta’ 10 punti
Il-KtR jaġġorna regolarment għadd ta’ miżuri ta’ appoġġ imfassla apposta għall-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ukrajna, kemm fil-kuntest tar-rikostruzzjoni kif ukoll tal-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE. Dawn il-miżuri jinkludu impenn biex tissaħħaħ id-dimensjoni lokali u reġjonali tal-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna u biex jitnieda Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-KtR u l-Ukrajna. L-għan tal-KtR huwa wkoll li jżid is-sensibilizzazzjoni fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-dawl tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE li jmiss, jimmultiplika s-sħubijiet fil-livell tal-bliet u r-reġjuni, jagħti spinta lill-kooperazzjoni transfruntiera, u jinvolvi ruħu ma’ firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati, bħall-komunità tan-negozju. Għal aktar informazzjoni u għall-aħħar verżjoni tal-pakkett ta’ appoġġ, ara hawn taħt.
Kampijiet tas-sajf għat-tfal Ukreni
Permezz tal-isforzi konġunti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, il-membri tiegħu u l-Assoċjazzjoni tal-Bliet Ukreni, it-tfal Ukreni għandhom l-opportunità li jqattgħu l-vaganzi għall-kwiet fi bliet u reġjuni fl-Ewropa kollha.
Programm ta’ Appoġġ għal Taħriġ u Internship għall-Muniċipalitajiet Ukreni (TIPS4UA)
Il-Programm TIPS4UA, implimentat mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) f’kooperazzjoni ma’ U-LEAD with Europe, huwa mfassal biex jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ukreni.