L-għanijiet tagħna
Il-KtR għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rabta bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha billi jawtonomizza lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jirrispondu għall-ħtiġijiet reali tal-komunità. Billi nsaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi fil-livell lokali, nikkontribwixxu biex tinbena l-fiduċja fl-UE, titrawwem iċ-ċittadinanza attiva, u jiġi żgurat li l-politiki jirriflettu d-diversità tar-reġjuni tal-Ewropa.
Il-gvernijiet lokali u reġjonali jinsabu f’pożizzjoni unika biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li qed jevolvu taċ-ċittadini, u fl-istess ħin jissalvagwardjaw id-demokrazija lokali, javvanzaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki kollha tal-UE, u jippromovu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.
Il-prijoritajiet ewlenin tagħna jikkonċernaw l-erba’ oqsma li ġejjin:
Id-demokrazija lokali
It-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġġieldu t-theddid għad-demokrazija u biex inaqqsu d-distakk maċ-ċittadini huwa imperattiv għal Unjoni Ewropea rappreżentattiva li fi ħdanha ċ-ċittadini jistgħu jsemmgħu leħinhom.
Il-membri tal-KtR jorganizzaw Djalogi Lokali dwar l-UE sabiex jinvolvu ruħhom direttament maċ-ċittadini u jiddiskutu kif il-politiki tal-UE jistgħu jissarfu f’realtajiet lokali. Kull sena, jiġu organizzati aktar minn 20 djalogu lokali biex jimmobilizzaw eluf ta’ ċittadini fl-UE. Il-KtR jappoġġja lill-membri tiegħu biex irawmu rabtiet maċ-ċittadini billi jiżgura li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-aktar metodi rilevanti ta’ demokrazija parteċipattiva.
Permezz ta’ inizjattivi bħan-Network tal-Kunsilliera Lokali tal-UE, il-KtR jgħin biex l-Ewropa titqarreb lejn iċ-ċittadini. In-network huwa miftuħ għar-rappreżentanti eletti lokali u reġjonali mill-Ewropa kollha li jimpenjaw ruħhom li jaqsmu mal-kostitwenti tagħhom dak li l-UE qed tagħmel għalihom u li jħeġġu liċ-ċittadini jinvolvu ruħhom fil-proġett Ewropew.
Il-KtR jippromovi l-importanza li tissaħħaħ id-demokrazija lokali kemm fl-UE kif ukoll fil-viċinat tagħha. Id-djalogu bejn il-KtR u l-pajjiżi tat-tkabbir isir permezz tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti u l-Gruppi ta’ Ħidma bil-għan li tiġi pprovduta forma konsistenti u stabbli ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi li jfittxu li jissieħbu fl-UE.
Iż-żgħażagħ
Il-parteċipazzjoni attiva u opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ biex jitgħallmu u jaħdmu jmorru id f’id mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Fil-kuntest tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ u l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, il-KtR ingħaqad mal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ fi proċess li wassal għat-tfassil konġunt ta’ Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija. Il-Karta tistabbilixxi t-triq lejn il-bini ta’ spazju demokratiku aktar favorevoli għaż-żgħażagħ biex jiġi żgurat li l-ilħna taż-żgħażagħ ikunu rappreżentati b’mod formali, kontinwu u permanenti fl-UE.
Il-KtR jippromovi wkoll l-inklużjoni effettiva taż-żgħażagħ fil-politika lokali u reġjonali. In-network tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ (YEP), li ġie stabbilit fl-2019, sar inizjattiva ewlenija għall-involviment sinifikanti taż-żgħażagħ. In-network YEP, li għandu iktar minn 1 000 membru, jagħti l-opportunità lill-politiċi eletti żgħażagħ biex jieħdu sehem fil-proċess deċiżjonali tal-UE u jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-distakk bejn l-UE u ċ-ċittadini.
L-ugwaljanza bejn il-ġeneri
L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prijorità ewlenija għall-KtR fil-perjodu 2025-2030. Billi jaħdem flimkien mal-mexxejja lokali u reġjonali, il-KtR għandu l-għan li jsarraf l-impenji tal-UE f’bidla reali: paga ugwali, faċilitajiet aħjar għall-indukrar tat-tfal, kura tas-saħħa ta’ kwalità tajba, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u opportunitajiet ta’ xogħol ġusti għal kulħadd. Il-KtR juri l-impenn tiegħu favur dawn l-għanijiet permezz ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri li jippromovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-attivitajiet, l-inizjattivi u n-networks tiegħu.
Inizjattivi bħal Għal aktar nisa fil-politika jirrappreżentaw pedament kruċjali għall-KtR biex jippromovi avvanz reali f’dawn l-impenji. L-inizjattiva tappella għal bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-politika fil-livelli kollha tal-gvern, inkluż fil-livell lokali u reġjonali. Il-parteċipazzjoni politika sħiħa tan-nisa, kemm bħala ċittadini kif ukoll f’kariga pubblika, hija essenzjali għal demokrazija b’saħħitha, governanza tajba u tfassil effettiv tal-politika.
It-tibdil demografiku
It-tibdil demografiku – ikkaratterizzat mit-tixjiħ, l-eżodu ta’ mħuħ u popolazzjonijiet li qed jonqsu – jaggrava l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni u jhedded il-koeżjoni. Il-politika ta’ koeżjoni għandha rwol ewlieni fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi billi tappoġġja żoni żvantaġġati, tippromovi politiki favur il-familja u interġenerazzjonali, u toħloq soluzzjonijiet intelliġenti u sostenibbli. Dan jinkludi t-titjib tas-servizzi, l-impjiegi u l-infrastruttura lokali biex jgħinu lin-nies jibqgħu fir-reġjuni tagħhom jew jirritornaw lejhom.