L-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet fl-Unjoni Ewropea
F’din il-paġna
Id-diskors dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet
“Dan ir-rapport annwali juri l-punti ta’ tħassib u ta’ pressjoni tal-poplu u tat-territorji tagħna – iżda jirrikonoxxi wkoll l-ambizzjoni, it-tmexxija, il-kreattività, u l-kapaċità tal-innovazzjoni. Juri kif il-politika ta’ koeżjoni qed tgħinna nżommu l-Ewropa b’saħħitha minn ġewwa. Din il-politika hija l-aktar għodda ta’ stabbilizzazzjoni konkreta, deċentralizzata u fit-tul tal-Ewropa, li torbotna flimkien permezz tal-valuri u permezz ta’ investimenti kondiviżi fil-futur ta’ xulxin. Hija l-istrateġija ta’ reżiljenza tal-Ewropa. Il-proposta l-ġdida tal-baġit thedded li tinnazzjonalizzaha, tiddefinanzjaha, u tiskonnettjaha minn Brussell, u ġġiegħel lir-reġjuni u lill-bdiewa jikkompetu għar-riżorsi bħallikieku qed jipparteċipaw f’“Hunger Games”. Din hija r-raġuni għaliex aħna lkoll mobilizzati għall-futur tal-koeżjoni.”
Kata TÜTTŐ, President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Fit-13 ta’ Ottubru 2025, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ppubblika s-sitt edizzjoni tar-Rapport Annwali tal-UE dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet. Dan ir-rapport joffri stampa komprensiva tal-aktar sfidi urġenti li qed jiffaċċjaw it-territorji tal-Ewropa, flimkien ma’ soluzzjonijiet lokali li jinfurmaw id-deċiżjonijiet ta’ politika għall-futur tal-Unjoni.
Matul il-ftuħ tal-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Kata TÜTTŐ, tat id-diskors dwar “L-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet”, li kien ibbażat fuq is-sejbiet tar-rapport annwali.
F’konformità mal-prijoritajiet politiċi l-ġodda tal-KtR għall-2025-2030, ir-rapport annwali tal-2025 jagħti rendikont ta’ kif ir-reġjuni u l-bliet jipperċepixxu l-kriżi tal-klima u tal-enerġija, it-tranżizzjoni demografika, il-ħtiġijiet ta’ investiment, il-kompetittività futura tagħhom u t-tħejjija għal kriżijiet futuri, u kif jirrispondu għal dawn il-kwistjonijiet. Jenfasizza wkoll ir-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-twettiq tat-trasformazzjonijiet fit-tul tal-Ewropa u fil-bini ta’ Unjoni aktar koeżiva, reżiljenti u eqreb.
© Unjoni Ewropea / Vincent Duterme
© Unjoni Ewropea / Octavian Carare
Fir-rigward tal-isfidi emerġenti, din is-sena, l-akkomodazzjoni tispikka bħala tħassib dejjem akbar fost iċ-ċittadini u dan japplika kemm fil-livell tal-bliet kif ukoll tar-reġjuni. Kif juri r-rapport annwali, l-isfida tal-akkomodazzjoni hija waħda strutturali li taffettwa l-koeżjoni territorjali, il-kompetittività ekonomika, u l-benesseri ta’ miljuni ta’ ċittadini Ewropej.
Barra minn hekk, din is-sena, il-pubblikazzjoni tar-rapport annwali taħbat mad-dibattitu dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2028-2034. F’dan il-kuntest, il-KtR jinsab lest li jippromovi baġit li jawtonomizza lir-reġjuni u l-bliet, isaħħaħ is-solidarjetà territorjali, u jiżgura li l-ebda post jew persuna ma titħalla tibqa’ lura. Fl-istess ħin, il-Kumitat jenfasizza wkoll ir-riskju ta’ rinazzjonalizzazzjoni u ċentralizzazzjoni tal-politiki tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-finanzjament ta’ koeżjoni u jappella għal Unjoni mibnija minn isfel għal fuq – li fiha l-awtoritajiet lokali u reġjonali mhumiex biss implimentaturi iżda kokreaturi tal-futur tal-Ewropa.
Il-punti ewlenin tar-Rapport Annwali tal-UE għall-2025
Skopri d-9 punti ewlenin tar-Rapport Annwali tal-UE dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet għall-2025. Kun af li l-istorja diġitali hija disponibbli biss bl-Ingliż.
© Unjoni Ewropea / Octavian Carare
Pubblikazzjonijiet
Barometru Reġjonali u Lokali
L-Istħarriġ tal-Ewrobarometru Flash, ikkummissjonat mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u mwettaq minn Ipsos, jiġbor għarfien minn aktar minn 3,300 politiku reġjonali u lokali tal-UE li jirrappreżentaw għadd varjat ħafna ta’ kostitwenzi f’diversi livelli ta’ gvern.
L-istħarriġ joffri pjattaforma għall-mexxejja lokali – li ħafna minnhom mhumiex involuti mal-KtR – biex jesprimu l-fehmiet u s-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar il-finanzjament tal-UE, il-prijoritajiet biex tiġi indirizzata l-instabbiltà ekonomika u soċjali, u l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet lokali b’rispons għall-kriżijiet u t-tibdil fil-klima.
L-istħarriġ jipprovdi liIl-qarrejja b’sommarju viżiv tar-riżultati mill-UE kollha bl-Ingliż, kif ukoll skedi informattivi speċifiċi għall-pajjiż li jqabblu d-data nazzjonali mal-medja tal-UE, li huma disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha.