Fid-9 ta’ Ottubru 2023, il-Kumitat tar-Reġjuni ppubblika r-Rapport Annwali tal-UE tiegħu dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet, li jagħti stampa tal-aktar sfidi urġenti li jiffaċċjaw ir-reġjuni u l-bliet fl-Ewropa, kif ukoll soluzzjonijiet fuq il-post biex iservu ta’ għarfien għad-deċiżjonijiet ta’ politika tal-UE.
Ir-Rapport jipprovdi għarfien dwar kif ir-reġjuni u l-bliet jindirizzaw il-kriżijiet, bħad-diżastri klimatiċi jew il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna. Juri wkoll kif ir-reġjuni u l-bliet jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni fit-tul tas-soċjetajiet tagħna, permezz tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, u fl-istess ħin isaħħu l-koeżjoni.
Nifhmu l-Ewropa mill-perspettiva lokali u reġjonali
Abbażi ta’ studji oriġinali kkummissjonati mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, kif ukoll abbażi ta’ riċerka akkademika, kontributi minn istituzzjonijiet Ewropej oħra u dokumentazzjoni b’sors miftuħ, dan ir-Rapport jipprovdi fatti u data għal dawk li jfasslu l-politika u għall-partijiet ikkonċernati rilevanti. Is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin ġew riflessi fid-diskors annwali dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet fl-Unjoni Ewropea, li għandu jsir mill-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Vasco Alves Cordeiro, fid-9 ta’ Ottubru 2023.
Ir-Rapport ta’ din is-sena jiffoka fuq l-aktar sfidi urġenti li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni u l-bliet tal-UE. Ir-Rapport se jipprovdi soluzzjonijiet u ideat mil-livell lokali għal diversi kwistjonijiet li jvarjaw minn emerġenzi u kriżijiet, bħad-diżastri klimatiċi, il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna jew in-nuqqas ta’ enerġija, sat-trasformazzjoni fit-tul permezz tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, u t-tisħiħ tal-koeżjoni.
Ir-Rapport iħares ’il quddiem, u jservi ta’ gwida ta’ prospettiva fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej u l-mandat leġiżlattiv li jmiss tal-istituzzjonijiet tal-UE.
Ir-Rapport jinkludi wkoll il-“Barometru Reġjonali u Lokali”, li jippreżenta l-fehmiet tar-rappreżentanti eletti mill-Ewropa kollha mistħarrġa fi sħubija mal-IPSOS.
Barometru Reġjonali u Lokali
Fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea hemm aktar minn miljun politiku elett fil-livell sottonazzjonali. Dawn il-politiċi lokali jirrappreżentaw ġabra varjata ħafna ta’ kostitwenzi f’diversi livelli ta’ gvern, fosthom stati federali, reġjuni, provinċji, kontej, distretti jew muniċipalitajiet. L-istħarriġ Flash tal-Ewrobarometru jipprovdi pjattaforma importanti għall-politiċi lokali fl-UE biex jaqsmu l-opinjoni tagħhom dwar l-isfidi u l-prijoritajiet tal-Ewropa.
It-tweġibiet jiżvelaw il-kwistjonijiet li l-politiċi lokali jqisu bħala prijoritarji fil-livell tal-UE, il-livell ta’ għarfien tagħhom dwar l-inizjattivi fl-UE u l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE, l-opinjonijiet tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa, u r-reazzjonijiet tagħhom għall-emerġenza maħluqa mill-gwerra fl-Ukrajna.
Sejbiet ewlenin
- 50 % tal-politiċi lokali qalu li l-awtorità reġjonali jew lokali tagħhom toħloq ċentri ta’ akkoljenza u tipprovdi akkomodazzjoni għar-refuġjati, mentri 33 % tal-awtoritajiet reġjonali jew lokali jipprovdu aċċess għall-protezzjoni soċjali u l-kura medika għar-refuġjati.
- Aktar minn erbgħa minn kull għaxar rispondenti (45 %) qiesu li r-reġjuni u l-bliet jistgħu jikkontribwixxu għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna billi r-reġjuni u l-bliet tal-UE jiġu involuti fi pjan Ewropew usa’ għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Madwar tlieta minn kull għaxar rispondenti jqisu li l-aktar rispons effettiv jista’ jingħata permezz ta’ appoġġ finanzjarju u materjali (31 %), ġemellaġġi biex tissaħħaħ il-kapaċità teknika u istituzzjonali u l-iskambju tal-aħjar prattiki (30 %) u l-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-livell lokali u reġjonali (27 %).
- Fir-rigward tal-għarfien dwar il-finanzjament tal-UE (fil-qafas tal-Politika ta’ Koeżjoni), madwar kwart ta’ dawk li wieġbu (23 %) qalu li jafu bil-finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE u li kienu involuti fil-proċess tal-għoti tal-fondi lill-belt jew ir-reġjun tagħhom f’dawn l-aħħar sentejn. Min-naħa l-oħra, 36 % tar-rispondenti qalu li jafu b’dan il-finanzjament iżda ma ġewx involuti, u 33 % qalu li ma jafux b’dan u li ma ġewx involuti; dan il-persentaġġ ivarja minn 2 % fil-Kroazja sa 71 % fid-Danimarka.
- Fir-rigward tal-mistoqsija dwar il-valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni meta mqabbla ma’ flussi oħra ta’ finanzjament (nazzjonali jew reġjonali), il-maġġoranza tar-rispondenti (53 %) qalu li l-fondi ta’ koeżjoni jintużaw biex jappoġġjaw tipi speċifiċi ta’ proġetti. Kwart tar-rispondenti (25 %) wieġbu li tali fondi jġibu valur miżjud fir-rigward tal-kooperazzjoni transfruntiera ma’ bliet u reġjuni oħra.
- Il-maġġoranza tar-rispondenti (62 %) wieġbu li l-belt jew ir-reġjun tagħhom ħa azzjonijiet fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bil-għan li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija. Erbgħa minn kull għaxar rispondenti (40 %) qalu li l-belt jew ir-reġjun tagħhom ħa miżuri biex jippromovi l-konservazzjoni tan-natura u l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet (eż. it-tħawwil tas-siġar), u proporzjon kemxejn aktar baxx ta’ rispondenti (37 %) semmew “azzjonijiet biex jitnaqqas l-iskart u l-impatt ambjentali tiegħu”.
- Maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu (91 %) jew jaqblu totalment jew għandhom it-tendenza li jaqblu li r-reġjuni u l-bliet għandu jkollhom aktar influwenza fit-tfassil tal-politika tal-UE u fid-dibattitu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea.
- Meta ġew mistoqsija f’liema oqsma r-reġjuni u l-bliet għandu jkollhom vuċi akbar fit-tfassil tal-politika tal-UE, madwar nofs dawk li wieġbu għażlu “ekonomija aktar b’saħħitha, ġustizzja soċjali u impjiegi” (52 %), “edukazzjoni, kultura, żgħażagħ u sport” (51 %) u “kriżi klimatika u l-ambjent” (51 %).
L-istħarriġ dwar il-politiċi lokali tal-UE u l-futur tal-Ewropa twettaq mill-IPSOS bejn il-25 ta’ Lulju u l-11 ta’ Settembru 2023, permezz ta’ 2 907 intervista mal-politiċi lokali u reġjonali fl-UE.