Vasco Alves Cordeiro (PT/PSE), kien il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni minn Ġunju 2022 sa Frar 2025.
Bejn l-2012 u l-2022 kien membru tal-Assemblea Leġiżlattiva tar-Reġjun Awtonomu tal-Azores u President tal-Gvern Reġjonali tal-Azores, u ilu membru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni sa mill-2013. Bejn l-2004 u l-2008, kien sostitut fil-Kumitat.
Il-Presidenza tiegħu – bil-motto “Ewropa għal kulħadd, u msawra minn kulħadd” – kienet iggwidata minn tliet prijoritajiet: Ewropa aktar b’saħħitha u aktar ġusta, il-ġlieda għal politika ta’ koeżjoni mġedda u t-tisħiħ tal-profil politiku tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.
Taħt it-tmexxija tiegħu, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, bħala l-assemblea politika tar-reġjuni u l-bliet kollha fl-Ewropa, issaħħaħ u sar aktar lest biex ikompli jsawwar il-leġiżlazzjoni tal-UE bil-għan li taqdi lin-nies kollha u lit-territorji kollha. Il-kisbiet tiegħu jinkludu, fost l-oħrajn, l-akbar Summit Ewropew tar-Reġjuni u l-Bliet, impenn qawwi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej, viżjoni ġdida għall-politika ta’ koeżjoni (b’żewġ Opinjonijiet dwar il-kwistjoni), u kooperazzjoni mġedda mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Il-Presidenza tiegħu kienet strumentali wkoll fit-twettiq tal-ħidma tal-Kumitat b’appoġġ għall-Ukrajna, it-tnedija tal-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna, u pakkett ta’ appoġġ ta’ 10 punti ppreżentat lill-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskyy. Huwa witta toroq ġodda għall-kooperazzjoni fid-dinja, fosthom mal-Istati Uniti u l-Brażil, u mexxa ħafna riformi interni, inkluża strateġija ġdida għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, Kumitat newtrali għall-klima u regoli ta’ proċedura ġodda.