Stqarrija għall-istampa

Il-Muniċipalità ta’ Michałowo u ċ-ċittadini tagħha ġew onorati bil-Premju “Sindku Paweł Adamowicz” għall-għajnuna tagħhom lir-refuġjati fil-fruntiera mal-Belarussja

F’din il-paġna

  • Ċittadinanza
  • Drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt
  • Il-Futur tal-Ewropa
  • Governanza f’diversi livelli u devoluzzjoni
  • Amministrazzjoni pubblika
  • Migrazzjoni, ażil u integrazzjoni tal-migranti
  • President

Ingħata rikonoxximent speċjali lil Oleksandr Babych, Sindku tal-Belt Ukrena ta’ Hola Prystan, li ilu madwar sena miżmum f’idejn ir-Russi.

Il-Muniċipalità ta’ Michałowo fil-Polonja ġiet onorata bil-Premju “Sindku Paweł Adamowicz” b’rikonoxximent tal-appoġġ tagħha għal-libertà, is-solidarjetà u l-ugwaljanza. Il-Premju ġie ppreżentat mill-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Vasco Alves Cordeiro, fil-preżenza tal-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni Ylva Johansson, fis-sessjoni plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fi Brussell fit-8 ta’ Frar.

Il-Premju nħoloq biex jippromovi l-legat li nbena minn Paweł Adamowicz, il-mibki Sindku ta’ Gdańsk, u ġie stabbilit mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fi sħubija mal-Belt ta’ Gdańsk u n-Network Internazzjonali tal-Bliet ta’ Rifuġju (ICORN). Huwa jingħata li dawk li huma attivi fil-politika jew fis-soċjetà ċivili li, bħal Paweł Adamowicz, jaġixxu fil-komunitajiet tagħhom b’kuraġġ u integrità biex jgħinu lil dawk fil-bżonn u jiġġieldu kontra l-intolleranza, ir-radikalizzazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda, l-oppressjoni u l-ksenofobija.

Is-Sindku ta’ Michałowo, Marek Nazarko, irċieva l-Premju mingħand Vasco Alves Cordeiro, President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, bħala rikonoxximent tal-appoġġ kruċjali li l-Muniċipalità ta’ Michałowo u l-popolazzjoni tagħha pprovdew biex isalvaw ħajjet ir-refuġjati li sabu ruħhom maqbuda bejn il-Polonja u l-Belarussja f’Settembru 2021, wara tentattivi mill-mexxej Belarussu Alyaksandr Lukashenka biex juża l-migranti u r-refuġjati bħala mezz biex issir pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea.

Fis-27 ta’ Settembru 2021, grupp ta’ madwar 20 Yazidi Iraqini, l-aktar nisa u tfal, sabu triqithom lejn il-punt ta’ kontroll fil-fruntiera ta’ Michałowo. Hekk kif dawn intbagħtu lura lejn il-fruntiera, l-opinjoni pubblika bdiet tiddiskuti l-kwistjoni ta’ “Fejn huma t-tfal ta’ Michałowo?” Bi tweġiba, l-amministrazzjoni lokali ta’ Michałowo pprovdiet ħwejjeġ, ikliet sħan u akkomodazzjoni matul il-lejl għal dawk fil-bżonn, b’appoġġ ukoll minn organizzazzjonijiet mhux governattivi. Il-Muniċipalità ta’ Michałowo qed tkompli tassisti lir-refuġjati – mill-pajjiżi kollha li jaslu fil-fruntiera, u fl-istess ħin torganizza wkoll, waħedha jew flimkien ma’ entitajiet oħra, diversi dibattiti u konferenzi biex tissensibilizza lill-pubbliku u lill-gvern dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u fuq kollox id-dimensjoni umana tagħha. Fl-2021, ir-refuġjati kienu jiġu prinċipalment mis-Sirja, mill-Iraq u mill-Afganistan; bħalissa, il-biċċa l-kbira tar-refuġjati qed jaħarbu mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Il-ġurija ddeċidiet ukoll li tirrikonoxxi b’mod speċjali lil Oleksandr Babych, Sindku ta’ Hola Prystan fin-Nofsinhar tal-Ukrajna, li ilu minn Marzu 2022 miżmum mill-forzi Russi talli pprova jipproteġi l-komunità lokali tiegħu. Il-ġurija ddeċidiet li tonora lil Oleksandr Babych biex tafferma s-solidarjetà mas-sindki Ukreni kollha li nħatfu jew ġew ittorturati mill-bidu tal-invażjoni Russa ’l hawn. Il-forza okkupanti tar-Russja bħalissa qed iżżomm taħt idejha ħames mexxejja lokali Ukreni.

Peress li s-Sindku Babych ma jistax jikkomunika mad-dinja esterna u l-avukat tiegħu mhux qed jitħalla jżur lill-klijent tiegħu, l-Assoċjazzjoni tal-Bliet Ukreni laqgħet il-premju f’ismu. L-Assoċjazzjoni, flimkien mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, tħeġġeġ lir-Russja biex teħles lil Oleksandr Babych kif ukoll lis-sindki l-oħra kollha maħtufa. Is-sindki qed imexxu l-muniċipalitajiet tagħhom fl-għoti tas-servizzi u dawn kienu u għadhom ta’ ispirazzjoni u appoġġ għall-komunitajiet lokali fl-Ukrajna f’dawn iż-żminijiet tant diffiċli.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Vasco Alves Cordeiro, qal: “Paweł Adamowicz kien wieħed minna. Illum qed nonoraw il-legat tiegħu billi nippremjaw il-kuraġġ ta’ dawk fir-reġjuni u l-bliet tagħna li jiddefendu dawn l-istess valuri: il-libertà, is-solidarjetà u l-ugwaljanza. Il-Muniċipalità ta’ Michałowo u l-poplu tagħha wrew lid-dinja kollha xi jfissru dawn il-valuri billi laqgħu n-nies maqbuda fil-fruntiera mal-Belarussja. Il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq ukoll jibgħat sinjal ta’ tama u ta’ solidarjetà lis-sindki kollha tal-Ukrajna, billi jagħti rikonoxximent speċjali lis-Sindku ta’ Hola Prystan, Oleksandr Babych. Il-kuraġġ tiegħu huwa simbolu tal-ġlieda tal-Ukreni għall-valuri Ewropej komuni tagħna”.

Ylva Johansson, Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni, qalet: “Dan il-premju f’isem Paweł Adamowicz jiċċelebra eroj Ewropej oħra. Dawk li jiddefendu l-valuri Ewropej. U din is-sena hija muniċipalità sħiħa. Il-Muniċipalità ta’ Michałowo fil-Polonja. Meta Lukashenka inganna lill-migranti biex jaqsmu l-fruntiera, f’tentattiv biex jipprovoka kriżi tar-refuġjati, is-sindku, il-kunsilliera u ċ-ċittadini aġixxew mod umanitarju. Fil-foresta ffriżata huma rawhom bħala persuni. Ma rawhomx bħala barranin. Iraqini. Yezidi. Huma raw bnedmin”.

Is-Sindku ta’ Michałowo, Marek Nazarko,qal: “Nifraħ lil dawk kollha li ġew nominati. Ninsabu qalb persuni u entitajiet illustri. Jien ġej minn muniċipalità żgħira fil-fruntiera mal-Belarussja, post mill-isbaħ, li għandi unur li nkun is-sindku tiegħu sa mill-2002. Jiena minn muniċipalità li f’daqqa waħda kellha taffaċċja kriżi ta’ migrazzjoni. Ser inkomplu ngħinu. L-ogħla ħitan, dawk li huma l-aktar diffiċli biex jitkissru, jinsabu fina nfusna. F’din il-fruntiera, ser inkomplu nuru l-aspett umanitarju tagħna. Ħadd ma jista’ jwaqqafna milli nagħmlu dan, peress li ma hemm l-ebda persuna li hija illegali. Għad hemm in-nies mal-fruntiera. Il-ħajt, l-ostaklu fil-fruntiera, għadu ma sparixxiex, għad hemm ommijiet bit-tfal fil-foresta. Nappella għall-għajnuna. L-immaġni li l-aktar li tibqa’ stampata f’moħħi hija ta’ tifel minn grupp ta’ 20 Yazidi li beda jpinġi l-fjuri b’subgħajh fuq it-tieqa mtappna ta’ tal-linja. Dan juri kemm it-tfal huma innoċenti, għax mhumiex konxji tas-sitwazzjoni mwiergħa li kienu jinsabu fiha. F’din is-sitwazzjoni u f’kull sitwazzjoni simili ta’ min ifakkar il-kliem ta’ Paweł Adamowicz: ‘naqsmu dak li huwa tajjeb!’”.

F’isem Oleksandr Babych, Sindku ta’ Hola Prystan, Oleksandr Slobozhan, Direttur Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Bliet Ukreni (AUC) qal: “Huwa ta’ unur kbir għalija li nirċievi r-rikonoxximent speċjali tal-Premju “Sindku Paweł Adamowicz” f’isem Oleksandr Babych, Sindku ta’ Hola Prystan, li jirrappreżenta lis-sindki Ukreni kollha li ma abbandunawx lill-muniċipalitajiet tagħhom u komplew l-attivitajiet tagħhom anke taħt okkupazzjoni. Minkejja l-gwerra, is-sindki jippruvaw jipprovdu lill-muniċipalitajiet tagħhom dak kollu li jeħtieġu għall-għajxien, jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-infrastruttura kritika u l-forniment ta’ servizzi ta’ utilità, li huwa kompitu diffiċli taħt kundizzjonijiet ta’ bumbardamenti kontinwi. Fl-istess ħin, ta’ spiss huma jirriskjaw ħajjithom. Il-forzi militari Russi ħatfu 59 uffiċjal lokali, fosthom 35 sindku. Sfortunatament, is-Sur Babych, kif ukoll l-erba’ kollegi tiegħu, ilhom miżmumin fir-Russja għal aktar minn disa’ xhur. Nittamaw li tal-inqas dan il-premju jsalvalu ħajtu, kif ukoll ħajjet is-sindki l-oħra miżmumin. L-eżempju ta’ persuni bħal Paweł Adamowicz, Henriette Reker u Oleksandr Babych huwa l-ispirazzjoni għal għadd kbir ta’ sindki fl-Ukrajna u fid-dinja kollha, peress li huma persuni li jservu lill-komunità tagħhom, jipproteġu l-interessi tagħha u jasserixxu valuri universali.”

Is-Sindku ta’ Gdańsk, Aleksandra Dulkiewicz, qalet: “Il-Premju ‘Sindku Paweł Adamowicz 2022’ mhuwiex biss biex ifakkar il-valuri li kien iħaddan is-Sindku ta’ Gdańsk, li nqatel fl-2019, imma fuq kollox biex juri l-attitudnijiet li għandna nirreplikaw, il-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE. Ninsab kuntenta li din is-sena l-ġurija tal-premju rrikonoxxiet il-komunità u l-awtoritajiet ta’ Michałowo għall-kuraġġ ċivili, is-solidarjetà u l-integrità tagħhom biex jiddefendu lil ħaddieħor. L-attitudni tagħhom hija waħda ta’ kuraġġ, għax mingħajr biża’ juru solidarjetà mar-refuġjati; ta’ għajnuna ġenwina lil dawk fil-bżonn; u ta’ ġlieda kontra l-isterjotipi, l-injoranza u r-razziżmu. Il-poplu ta’ Michałowo jfakkarna x’inhi l-umanità. Jistħoqqilhom gratitudni u rispett!”

Christopher Gribble, President tal-bord ta’ ICORNqal: “Fil-ħidma globali tagħna biex nipproteġu l-aktar difensuri tal-libertà ppersegwitati u vulnerabbli, nafu kemm huwa kruċjali li l-individwi, il-bliet, in-nazzjonijiet u l-korpi transnazzjonali jagħmlu l-almu tagħhom biex imorru lil hinn mill-konfini u l-fruntieri stabbiliti u joħolqu ambjenti ta’ akkoljenza għal dawk l-aktar fi bżonn urġenti. F’dan ir-rigward, il-Muniċipalità ta’ Michałowo tat tagħlima lid-dinja kollha, u ma nistgħux naħsbu f’rebbieħ ieħor li jistħoqqlu aktar il-Premju ‘Sindku Paweł Adamowicz 2022’.”

L-MEP Magdalena Adamowicz (PL/PPE), armla tas-Sindku Adamowicz, qalet: “Għal Paweł, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza mingħajr kundizzjonijiet, ir-rispett għad-dinjità ta’ kull persuna, l-akkoljenza u l-għajnuna għall-persuni kollha fil-bżonn, inklużi l-immigranti u r-refuġjati, kienu l-bażi inkontestabbli tad-demokrazija u punt ta’ riferiment għall-futur tal-Ewropa. Dawn huma l-valuri li jippromovi l-Premju ‘Sindku Paweł Adamowicz’. Valuri li kienu fil-qalba tal-attività soċjali u politika ta’ Paweł mill-bidu nett sal-qtil traġiku tiegħu. Ir-rebbieħ tal-premju ta’ din is-sena huwa difensur u promotur ta’ dawn il-valuri – il-Muniċipalità ta’ Michałowo f’Podlaskie. Din il-muniċipalità żgħira ta’ residenti b’qalb kbira kienet fl-ewwel linja ta’ difiża għad-demokrazija u l-valuri Ewropej kontra l-attakki fuq id-demokrazija. Jekk irridu nsalvaw id-demokrazija, irridu b’mod ċar, b’saħħtu u mingħajr kompromess niddefendu d-dritt ta’ kull persuna għall-ugwaljanza, id-dinjità u l-ħajja fil-libertà. Il-Muniċipalità ta’ Michałowo tifhmu dan. Oleksandr Babych jifhem dan ukoll: is-Sindku ta’ Hola Prystan fin-Nofsinhar tal-Ukrajna, li ilu maqbud minn Marzu 2022, issemma b’mod speċjali. Hu, flimkien mas-sindki Ukreni l-oħra li qed jiġġieldu b’mod eroiku għall-komunitajiet lokali tagħhom kontra l-aggressjoni brutali tar-Russja, huma simbolu u eżempju għalina lkoll fil-ġlieda bla heda għal-libertà u d-demokrazija. Nifraħ lir-rebbieħ u lill-persuni nominati kollha tal-Premju ‘Sindku Paweł Adamowicz’ ta’ din is-sena, bi kburija u tama li l-ogħla valuri Ewropej se jirbħu dejjem.”

Kuntest:

Paweł Adamowicz ġie ferut b’sikkina fit-13 ta’ Jannar 2019 waqt li kien qed jitkellem f’avveniment ta’ karità. Huwa miet l-għada kaġun tal-ġrieħi li ġarrab. Kellu 53 sena. Il-qtil tiegħu kien preċedut minn żieda fid-diskors ta’ mibegħda fil-konfront tiegħu. L-aħħar kelmiet tiegħu, li lissen eżattament qabel ġie attakkat, kienu: “Gdańsk hija ġeneruża, Gdańsk tikkondividi t-tajjeb tagħha, Gdańsk trid li tkun belt tas-solidarjetà. Dan huwa żmien sabiħ biex nikkondividu l-ġid. Intom maħbubin. Gdańsk hija l-aktar belt meraviljuża fid-dinja. Grazzi!”

Is-Sur Adamowicz kien jimpenja ruħu favur il-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE, u kien membru attiv tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Fl-2016, is-Sindku Adamowicz nieda l-“Mudell għall-Integrazzjoni tal-Immigranti” ta’ Gdańsk. Dan huwa mudell li nebbaħ bliet Pollakki oħra.

Il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tal-Premju “Sindku Paweł Adamowicz” jinkludi rappreżentanti tal-Bliet u Gvernijiet Lokali Magħqudin (UCLG), Eurocities, il-Parlament Globali tas-Sindki (GPM), il-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR), l-Assemblea tar-Reġjuni Ewropej (AER), il-Konferenza tal-Assembleji Leġiżlattivi Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (CALRE), il-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi (CPMR), il-Kunsill tal-Ewropa, il-Belt ta’ Gdańsk, ICORN, u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR).

Il-ġurija tal-edizzjoni ta’ din is-sena kienet ippreseduta minn Vincenzo Bianco, President tal-Kummissjoni CIVEX tal-KtR, irrappreżentat minn Patrick Molinoz, Viċi President tas-CIVEX. Membri oħra kienu: Aleksandra Dulkiewicz, Sindku tal-Belt ta’ Gdańsk; l-MEP Magdalena Adamowicz, armla ta’ Paweł Adamowicz; Jelena Drenjanin, President tal-Kumitat ta’ Governanza tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa; Chris Gribble, President tal-Bord ta’ ICORN; u Henriette Reker, Sindku ta’ Cologne u l-ewwel rebbieħa tal-Premju “Sindku Paweł Adamowicz”.

L-ewwel rebbieħa tal-Premju “Sindku Paweł Adamowicz” kienet Henriette Reker, Sindku ta’ Cologne. Fl-2022, ġiet rikonoxxuta għall-kuraġġ u d-determinazzjoni li wriet fl-20 sena preċedenti biex tippromovi d-diversità, is-solidarjetà u l-integrazzjoni bħala parti integrali mill-identità ta’ Cologne. Fl-2015, is-Sindku Reker ħelsitha minn attakk b’sikkina mmotivat minn antipatija lejn l-impenn tagħha li tgħin lill-komunitajiet tal-migranti u l-integrazzjoni tagħhom.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, bħala l-assemblea politika ta’ rappreżentanti lokali u reġjonali fl-UE u fuq l-inizjattiva tad-delegazzjoni Pollakka, adotta unanimament Riżoluzzjoni fis-7 ta’ Frar 2019, li tikkundanna d-diskors ta’ mibegħda u t-theddid ta’ kull tip kontra l-mexxejja politiċi. Il-KtR, fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2022, adotta rakkomandazzjonijiet b’appoġġ għall-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jinżiedu mal-lista ta’ reati rikonoxxuti fil-politika tal-UE, permezz ta’ Opinjoni dwar “L-estensjoni tal-lista ta’ reati fl-UE għad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda” abbozzata minn Aleksandra Dulkiewicz, li laħqet wara Paweł Adamowicz bħala Sindku ta’ Gdańsk.

In-Network Internazzjonali tal-Bliet ta’ Rifuġju (ICORN) huwa organizzazzjoni internazzjonali ta’ 80 belt u reġjun fl-Ewropa u lil hinn minnha, u joffri kenn lil kittieba u artisti ppersegwitati, jippromovi l-libertà tal-espressjoni, jiddefendi l-valuri demokratiċi u jippromovi s-solidarjetà internazzjonali. Aktar minn 250 kittieb u artist ġew offruti residenza f’belt imsieħba fin-network ICORN. F’ambjent sikur, huma jkomplu jaqdu rwol vitali, kemm billi jenfasizzaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż fejn jgħixu, kif ukoll billi jappoġġjaw lill-kollegi fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Fuq inizjattiva tas-Sindku Paweł Adamowicz, il-Belt ta’ Gdańsk ingħaqdet ma’ ICORN fit-30 ta’ Awwissu 2017.

Il-Premju “Sindku Paweł Adamowicz” – sit web:#AdamowiczAward

Ir-regoli u r-regolamenti tal-premju, il-kriterji tal-eliġibbiltà, il-kriterji tal-għażla

Sit web b’informazzjoni dwar Paweł Adamowicz u l-anniversarju tal-qtil tiegħu

Tifħir lir-rebbieħ tal-Premju “Sindku Paweł Adamowicz” 2022 – Michałowo

Tifħir lir-rebbieħ tal-Premju “Sindku Paweł Adamowicz” 2022 – is-Sindku Oleksandr Babych

Iċ-ċerimonja tista’ tiġi segwita minn: www.cor.europa.eu/corplenary.go

Facebook: https://www.facebook.com/events/562570925583960

Persuni ta’ kuntatt:

Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Wioletta Wojewodzka

Tel. +32 (0)2 282 2289

Mobile: +32 (0)473 843 986

wioletta.wojewodzka@cor.europa.eu

Belt ta’ Gdańsk

Maciej Buczkowski

Tel.: + 48 58 323 62 84

maciej.buczkowski@gdansk.gda.pl

Network Internazzjonali tal-Bliet ta’ Rifuġju

Helge Lunde

Tel.: + 47 99582488

helge@icorn.org