Portugal
Vasco ALVES CORDEIRO
Membru
Member of the Regional Assembly of the Azores
L-akkomodazzjoni u l-infrastruttura soċjali huma fost il-prijoritajiet ta’ investiment
Matul dibattitu plenarju tal-Kumitat tar-Reġjuni mal-President tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), Nadia Calviño, iż-żewġ istituzzjonijiet ġeddew l-għan komuni tagħhom li jippromovu l-konverġenza u t-tkabbir ekonomiku fir-reġjuni kollha tal-UE, kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f’dawk rurali, bi sforz speċjali biex jappoġġjaw akkomodazzjoni affordabbli u infrastruttura soċjali.
It-titjib tal-aċċess tar-reġjuni u l-bliet għall-finanzjament u ż-żieda fil-kwalità tal-investimenti lokali kienu objettivi ewlenin tal-ħidma komuni mwettqa mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u l-Grupp tal-BEI f’dawn l-aħħar snin, anke bis-saħħa ta’ pjan ta’ azzjoni konġunt li ġie mġedded fi Frar li għadda.
Il-mexxejja lokali u reġjonali laqgħu l-impenn imsaħħaħ tal-Grupp tal-BEIbiex jgħin lill-bliet u r-reġjuni jirnexxu fit-tranżizzjoni ekoloġika u ġusta tagħhom, u l-isforzi tagħhom biex iżidu l-kompetittività. Fl-istess ħin, l-edukazzjoni, il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni ħarġu bħala prijoritajiet ta’ investiment ewlenin kemm għall-Bank tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-muniċipalitajiet.
L-akkomodazzjoni se tkun partikolarment rilevanti fil-mandat il-ġdid tal-UE wara t-tħabbira mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ta’ pjan Ewropew ta’ akkomodazzjoni affordabbli. Il-KtR u l-BEI huma lesti li jintensifikaw il-kooperazzjoni f’dan il-qasam.
Il-Presidenttal-Kumitattar-Reġjuni Vasco Alves Cordeiro qal: “Biftehim imġedded iffirmat fi Frar li għadda, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment saħħew il-kooperazzjoni tagħhom fl-interess tal-komunitajiet lokali Ewropej. Il-ħafna sfidi li qed tiffaċċja l-UE, bħat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u l-investiment fl-infrastruttura soċjali, jeħtieġu sħubija aktar b’saħħitha u l-involviment mill-qrib tar-reġjuni u l-bliet. B’mod partikolari, l-attenzjoni mġedda fuq l-akkomodazzjoni fil-livell Ewropew tfisser li l-ħidma konġunta bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-BEI x’aktarx li tkun saħansitra aktar vitali fis-snin li ġejjin.”
Is-sena l-oħra, kważi nofs il-finanzjament tal-Grupp tal-BEI – €36 biljun – fl-UE mar għal reġjuni inqas żviluppati u fi tranżizzjoni.
“Il-Grupp tal-BEI huwa impenjat li jappoġġa proġetti li jtejbu l-ħajja f’kull reġjun u fi bliet madwar l-Unjoni tagħna, mill-Belt Valletta sa Riga, filwaqt li jiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura,” qalet il-President Nadia Calviño. “Iċ-ċittadini Ewropej jeħtieġu l-fiduċja li jistgħu jaċċessaw opportunitajiet indaqs kull fejn jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw. Il-kontribut għal politika ta’ koeżjoni moderna flimkien mas-sħab lokali u reġjonali tagħna huwa prijorità strateġika tal-Grupp tal-BEI għall-2024-2027.”
Diskors sħiħ tal-President Calviño.
Portugal
Membru
Member of the Regional Assembly of the Azores