Dwar il-KtR

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) huwa l-leħen tar-reġjuni u l-bliet fl-Unjoni Ewropea (UE). Huwa jirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u jagħti pariri dwar liġijiet ġodda li jkollhom impatt fuq ir-reġjuni u l-bliet (70% tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE).

Il-KtR huwa assemblea politika magħmula minn 329 membru u 329 sostitut mill-pajjiżi kollha tal-UE (raggruppati skont il-partit politiku u mmexxija mill-President) li jkunu ġew eletti fil-livell lokali jew reġjonali (pereżempju bħala sindki jew presidenti ta’ reġjun). Huma jmorru Brussell sitt darbiet fis-sena biex jiddiskutu l-Opinjonijiet tagħhom dwar leġiżlazzjoni proposta u biex jilħqu qbil dwar riżoluzzjonijiet dwar azzjoni ulterjuri mill-UE.

Il-Membri tal-KtR huma assistiti minn amministrazzjoni mmexxija mis-Segretarju Ġenerali.

F’din il-paġna

Prinċipji ewlenin 

Il-KtR jaħdem biex iqarreb liċ-ċittadini lejn l-UE. Billi jinvolvi lir-rappreżentanti lokali u reġjonali li ta’ kuljum ikunu f’kuntatt mal-preokkupazzjonijiet tal-elettorat tagħhom, iżda wkoll billi jistieden liċ-ċittadini jipparteċipaw f’avvenimenti u dibattiti differenti, il-KtR jikkontribwixxi biex inaqqas id-distakk bejn il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini tal-UE. 

Fatti ewlenin 

  • 70% tal-leġiżlazzjoni tal-UE għandha impatt reġjonali u lokali dirett 
  • 27 pajjiż tal-UE 
  • 329 membru elett fil-livell lokali u reġjonali 
  • 6 kummissjonijiet 
  • 6 gruppi politiċi 
  • sa 6 sessjonijiet plenarji fis-sena 
  • aktar minn 50 Opinjoni adottata kull sena 

Dikjarazzjoni tal-missjoni 

L-azzjoni politika tagħna hija bbażata fuq il-konvinzjoni li l-kooperazzjoni bejn il-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u dak lokali hija essenzjali biex tinbena unjoni dejjem eqreb u li tipprovdi appoġġ reċiproku fost il-popli tal-Ewropa u twieġeb għall-isfidi tal-globalizzazzjoni.​​ 

Governanza f’diversi livelli 

Il-ħida fi sħubija hija pilastru ieħor tax-xogħol li jwettaq il-KtR. Fi kliem ieħor, il-KtR jemmen f’azzjoni kkoordinata bejn il-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. 

Sussidjarjetà 

Il-proċess leġiżlattiv kollu tal-UE għandu jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jfisser li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell tal-gvern li l-aħjar jaqdi l-interess pubbliku – lokalment meta jkun possibbli. 

Il-membri tal-KtR huma affiljati ma’ gruppi politiċi? 

Il-membri tal-KtR huma raggruppati skont l-affiljazzjoni politika tagħhom: 

Il-gruppi ġeneralment jiltaqgħu qabel kull sessjoni plenarja. Kull sena jista’ jkollhom ukoll żewġ laqgħat straordinarji (li jsiru barra minn Brussell). 

X’inhu l-baġit annwali tal-KtR? 

Il-baġit annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni jkopri l-ispejjeż għall-persunal u l-membri politiċi tiegħu, l-interpretazzjoni kif ukoll l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni. Għal aktar informazzjoni dettaljata dwar il-baġit tal-istituzzjonijiet tal-UE u kif jintuża żur il-paġna tal-baġit tal-UE tal-Kummissjoni Ewropea. 

X’impatt għandu l-KtR? 

L-UE mhijiex obbligata tqis l-Opinjonijiet tal-KtR, iżda fil-prattika tqishom, fi gradi differenti (ara r-rapporti annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-segwitu tal-Opinjonijiet tal-KtR, flimkien mar-rapporti ta’ impatt tal-KtR). 

Kemm jitħallsu l-membri? 

Il-membri jitħallsu biss l-ispejjeż marbuta mal-attendenza tagħhom fil-laqgħat u din l-attendenza tiġi rreġistrata fil-minuti tal-laqgħat kollha disponibbli fil-Portal tal-Membri flimkien mad-dettalji personali tagħhom u l-attività tagħhom fil-laqgħat. 

X’inhu l-KtR? 

Kurjuż dwar il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni? Skopri r-rwol, l-istruttura u l-kompożizzjoni tiegħu billi tesplora l-istorja diġitali tagħna.

Dokumenti