L-inizjattiva
Il-Patt Klimatiku Ewropew jaqdi rwol deċiżiv fl-implimentazzjoni sħiħa tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għandu l-għan li joħloq pjattaforma miftuħa u inklużiva biex iċ-ċittadini u l-komunitajiet jiġu involuti f’azzjoni għall-klima u l-ambjent. Il-Patt Klimatiku jiffoka fuq is-sensibilizzazzjoni u l-appoġġ għall-azzjonijiet li jittieħdu, sabiex jinħolqu rabtiet, kif ukoll jiġu żviluppati u implimentati b’mod kollettiv soluzzjonijiet klimatiċi, fuq skala kemm kbira kif ukoll żgħira.
Żur is-sit biex issir taf aktar!
Ir-rwol tal-KtR
Il-KtR qed jaħdem b’mod attiv flimkien mal-Kummissjoni Ewropea biex jiżgura li l-Patt Klimatiku jirnexxi. Fil-kuntest tal-prijorità ta’ reżiljenza, il-KtR jappoġġja s-sejħa għal Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku indirizzata lill-membri biex jippromovu b’mod attiv il-politiki ekoloġiċi fir-reġjuni tagħhom permezz ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki. L-ambaxxaturi jipprovdu informazzjoni aġġornata regolarment dwar kif jaħdmu il-politiki tal-UE fil-prattika u, b’hekk, jgħinu biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn il-livell lokali, nazzjonali u dak Ewropew.
Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku tal-KtR
Wara li jintgħażlu, il-membri tal-KtR jingħaqdu f’network ta’ Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku ġestit mill-Kummissjoni Ewropea. Huma jiġu rikonoxxuti bħala Ambaxxaturi, ikunu jistgħu jaċċessaw għodod ta’ komunikazzjoni (huwa disponibbli kit ta’ komunikazzjoni dwar il-Patt) u l-azzjoni klimatika li jwettqu tingħata viżibbiltà fuq is-sit tal-Patt. Bħala promoturi tal-azzjoni klimatika, ikollhom opportunitajiet biex jitkellmu f’avvenimenti internazzjonali u jħeġġu lill-irħula, il-bliet u r-reġjuni biex ikunu minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej dwar il-klima u l-enerġija billi jorganizzaw avvenimenti tal-Patt Klimatiku fil-livell lokali.
Ir-rwol tal-Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku huwa essenzjali biex ikun hemm iktar ċittadini li jipparteċipaw fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa. Id-dibattiti dwar Ewropa ekoloġika, nadifa u ġusta organizzati fil-qafas tal-Patt Klimatiku Ewropew għalhekk jikkontribwixxu għad-diskussjoni dwar il-bini ta’ futur kemm newtrali kif ukoll reżiljenti għall-klima. Il-membri tal-KtR jistgħu jsibu aktar informazzjoni dwar kif isiru Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku fil-paġna uffiċjali tal-UE.