Stqarrija għall-istampa

Ir-reġjuni u l-bliet jippreżentaw elementi kostitwenti għal politika ta’ koeżjoni riformata wara l-2027

F’din il-paġna

  • Affarijiet kostituzzjonali u istituzzjonali
  • Riforma tal-politika ta’ koeżjoni
  • Kooperazzjoni transfruntiera u territorjali
  • Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej
  • Tranżizzjoni tal-enerġija
  • Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP)
  • Koeżjoni territorjali
  • Tibdil demografiku
  • Protezzjoni soċjali
  • President

Il-mexxejja lokali u reġjonali ressqu t-talbiet ewlenin tagħhom dwar kif il-politika reġjonali tal-UE tista’ ssir aktar flessibbli, robusta u applikabbli għat-territorji kollha fid-deċennju li ġej.

Lejlet l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Istati Membri dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni, ir-reġjuni u l-bliet iħeġġu lill-gvernijiet tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea jirrikonoxxu l-importanza kbira ta’ din il-politika biex tindirizza d-disparitajiet territorjali, tippromovi t-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika, u tiddefendi l-valuri demokratiċi Ewropej fir-reġjuni kollha. Il-proposti għar-riforma tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2027 huma inklużi f’Opinjoni adottata b’unanimità fid-29 ta’ Novembru fil-Plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u abbozzata mill-President tal-Assemblea, Vasco Alves Cordeiro, u l-President tal-Kummissjoni COTER, Emil Boc.

Qed jingħata bidu għad-dibattitu dwar kif il-politika ta’ koeżjoni għandha tiġi riformata wara l-perjodu baġitarju attwali tal-UE 2021-27. L-istituzzjonijiet tal-UE qed jivvalutaw l-impatt u l-prestazzjoni li l-politika ta’ koeżjoni għandha biex tindirizza l-kriżijiet reċenti u biex tagħti spinta lit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-KtR, li jirrappreżenta aktar minn miljun politiku lokali u reġjonali elett, qed iressaq talbiet kruċjali biex tissawwar mill-ġdid politika li tirrappreżenta terz tal-baġit tal-UE u li għandha tkompli tingħata prijorità bħala pedament tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali fit-territorji Ewropej kollha.

Sabiex jiġu indirizzati kriżijiet eċċezzjonali u diżastri klimatiċi, bħall-għargħar u n-nirien fis-selvaġġ, il-mexxejja lokali u reġjonali jipproponu l-ħolqien ta’ mekkaniżmu li jista’ jiġi attivat fil-livell territorjali. Minn naħa, dan jippermetti l-użu flessibbli tal-fondi f’ċirkostanzi bħal dawn. Min-naħa l-oħra, permezz tal-mekkaniżmu l-ġdid jiġu evitati reviżjonijiet kostanti tal-programmi operazzjonali, kif ġara diversi drabi matul il-perjodu 2014-20, u b’hekk jiġu salvagwardjati l-investimenti fit-tul.

Ir-reġjuni u l-bliet jappellaw ukoll għal “Patt Ewropew ta’ Sħubija”, li jiddefinixxi sett uniku ta’ regoli u miri għall-fondi kollha ta’ ġestjoni kondiviża, waqt li jiżgura l-konsistenza u s-semplifikazzjoni. Il-patt ikun ikopri wkoll il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), kif ukoll strumenti ġodda taħt forom ibridi ta’ ġestjoni, bħall-Fond Soċjali għall-Klima – li għad irid jitnieda.

Talbiet politiċi ewlenin oħra

  • ir-reġjuni Ewropej kollha għandhom jibqgħu eliġibbli għall-finanzjament fil-futur;
  • il-mudell ta’ ġestjoni kondiviża, il-governanza f’diversi livelli u l-prinċipju tas-sħubija għandhom jinżammu bħala prinċipji gwida tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2027;
  • is-sospensjoni tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni bħala konsegwenza tal-ksur min-naħa tal-gvernijiet nazzjonali tar-regoli fiskali tal-UE (kundizzjonalità makroekonomika) għandha tiġi eliminata. L-investimenti fit-tul ma jistgħux jinżammu ostaġġi tad-deċiżjonijiet nazzjonali;
  • l-investimenti nazzjonali u reġjonali meħtieġa għall-proġetti kofinanzjati tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-infiq – u għalhekk mill-kalkolu tad-dejn – fi ħdan ir-regoli fiskali tal-UE;
  • l-objettiv tal-koeżjoni territorjali irid ikun vinkolanti għall-politiki Ewropej kollha (il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni”);
  • l-arkitettura ġenerali tal-finanzjament għandha tiġi ssemplifikata biex tingħeleb il-proliferazzjoni ta’ għodod ta’ investiment maħsuba direttament jew indirettament għall-koeżjoni.

Kwotazzjonijiet

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u korelatur tal-Opinjoni, Vasco Alves Cordeiro (PT/PSE) qal: “Il-politika ta’ koeżjoni ma tistax tibqa’ kif inhi fil-forma tagħha kif nafuha bħalissa. Illum il-Kumitat tar-Reġjuni, bħala l-vuċi tar-rappreżentanti lokali u reġjonali, qed iressaq proposta ċara biex tiġi aġġornata l-politika biex issir aktar b’saħħitha u mgħammra aħjar biex tindirizza sfidi ġodda u disparitajiet li qed jikbru. Ħafna individwi huma xettiċi fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni. Lil dawn ngħidulhom li l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ ħajja mingħajrha. B’riforma kuraġġuża, flessibbiltà, sħubija u semplifikazzjoni, il-politika ta’ koeżjoni tista’ tkompli taqdi r-rwol tagħha bħala politika trasformattiva u strutturali fit-tul.”

Emil Boc (RO/PPE), President tal-Kummissjoni tal-KtR għall-Politika ta’ Koeżjoni Territorjali u l-Baġit tal-UE (COTER), Sindku ta’ Cluj-Napoca, Eks Prim Ministru tar-Rumanija u korelatur tal-Opinjoni, iddikjara li: “Ir-reġjuni u l-bliet huma l-barometru tal-ħtiġijiet tan-nies, u ċ-ċittadini tagħna jridu mod ġdid ta’ għajxien li huwa aktar nadif, inklużiv, moqdi minn avvanzi teknoloġiċi u, l-aktar importanti jridu ħajja kuntenta u ta’ sodisfazzjon. Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni huwa ċ-ċavetta għal Ewropa aħjar. Is-suċċess tal-futur tal-politika ta’ koeżjoni jiddependi minn governanza f’diversi livelli u ġestjoni kondiviża, it-tisħiħ tal-prinċipju tas-sħubija u l-ħtieġa li jiġi implimentat il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” fil-baġit u l-politiki kollha tal-UE.”

Il-passi li jmiss

L-Opinjoni issa se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u se tintbagħat lill-membri tal-Parlament Ewropew, lill-Kummissarji rilevanti tal-UE u lil rappreżentanti mis-27 Stat Membru.

Fl-4 ta’ Diċembru, il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) huwa mistenni jivvota fuq abbozz ta’ rapport li, jekk jiġi appoġġjat mill-Membri tal-Parlament Ewropew, se jiġi allinjat mat-talba tal-KtR biex l-investimenti fi proġetti kofinanzjati mill-politika ta’ koeżjoni jiġu esklużi mill-kalkolu tal-infiq fi ħdan ir-riforma tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

Aktar tagħrif

L-Opinjoni ġiet adottata mill-membri tal-KtR wara dibattitu ma’ Elisa Ferreira, Kummissarju tal-UE għall-Koeżjoni u r-Riformi, Mercedes Caballero Fernández, Segretarju Ġenerali għall-Fondi Ewropej ta’ Spanja, li bħalissa għandha l-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE, Younous Omarjee, President tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament Ewropew, u Elio Di Rupo (BE/PSE), Ministru President tar-Reġjun ta’ Wallonia u Eks Prim Ministru tal-Belġju li se jippresiedi l-laqgħat tal-ministri responsabbli għall-koeżjoni matul il-Presidenza Belġjana li jmiss tal-Kunsill, fl-ewwel nofs tal-2024.

Flimkien mal-assoċjazzjonijiet Ewropej ewlenin tal-bliet u r-reġjuni, il-KtR huwa msieħeb fundatur tal-#CohesionAlliance, li l-missjoni tagħha hija li tafferma l-koeżjoni bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea u objettiv ewlieni għall-investiment u l-politiki kollha tagħha.

Skeda informattiva dwar il-kontenut tal-Opinjoni(EN)

Test tal-Opinjoni

Erġa’ ara d-dibattitu tal-Plenarja

Filmat dwar il-politika ta’ koeżjoni b’eżempji ta’ prattiki reġjonali tajbin minn Franza (Korsika), l-Italja (Novara), il-Polonja (Łódź), l-Ungerija (Budapest), il-Finlandja (Turku) u l-Belġju (Mechelen)(EN)

Persuni ta’ kuntatt:

Monica Tiberi – Kelliema f’isem il-President

Tel: +32 479 51 74 43

monica.tiberi@cor.europa.eu

Matteo Miglietta

Tel: +32 470 89 53 82

matteo.miglietta@cor.europa.eu