Dwar
L-ARLEM twaqqfet fl-2010 mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) flimkien mal-assoċjazzjonijiet territorjali attivi f’dan il-qasam bil-għan li r-rappreżentanti eletti mit-tliet ixtut tal-Baħar Mediterran ikunu jistgħu:
- jirrappreżentaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom fil-livell politiku, inkluż fi ħdan l-UE u l-Unjoni għall-Mediterran (UgħM);
- ikollhom djalogu politiku u
- jippromovu l-kooperazzjoni interreġjonali.
Liema pajjiżi huma involuti?
L-Eġittu, it-Turkija, l-Alġerija, il-Marokk, is-Sirja, it-Tuneżija, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Mauritania, il-Palestina, Monaco, il-Montenegro u l-Maċedonja ta’ Fuq. Barra minn hekk, il-Libja qed tipparteċipa bħala osservatur.
X’inhu l-għan tal-ARLEM?
L-ARLEM għandha li għan li:
- tagħti dimensjoni territorjali lill-Unjoni għall-Mediterran;
- tippromovi d-demokrazija lokali, il-governanza f’diversi livelli u l-kooperazzjoni deċentralizzata fit-tliet ixtut tal-Mediterran;
- tħeġġeġ id-djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar u fost dawk tan-Nofsinhar;
- tippromovi l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-għarfien u l-esperjenza teknika fl-oqsma li għalihom huma responsabbli l-awtoritajiet lokali u reġjonali;
- tippromovi l-integrazzjoni u l-koeżjoni reġjonali.
Kif taħdem l-ARLEM?
Fuq livell politiku, l-ARLEM tipprovdi forum għal djalogu politiku kontinwu, tikkontribwixxi għax-xogħlijiet konsultattivi tal-KtR permezz ta’ rapporti tematiċi, u tirrappreżenta wkoll il-livell lokali u reġjonali fis-summits tal-UgħM.
Fil-ħidma tagħha, l-ARLEM toħloq sinerġiji mal-imsieħba tagħha, inklużi l-UgħM (Dikjarazzjoni ta’ Intenzjoni ffirmata fl-2013), l-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma rrappreżentati fl-ARLEM, il-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa (status ta’ osservatur), l-Assemblea Parlamentari tal-UgħM (status ta’ osservatur), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (Dikjarazzjoni ta’ Intenzjoni ffirmata fl-2013) u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (status ta’ osservatur). L-Assemblea tlaqqa’ flimkien il-membri tal-ARLEM fis-sessjoni plenarja annwali tagħha, li matulha jiġu adottati r-rapporti tematiċi, u fil-laqgħat tal-Kummissjoni u tal-Bureau. Barra minn hekk, tista’ torganizza sessjonijiet ta’ ħidma jew konferenzi u twettaq studji biex tanalizza aspetti speċifiċi aktar bir-reqqa.
Il-kompożizzjoni tal-ARLEM
L-ARLEM hija magħmula minn 84 membru u 2 osservaturi mill-UE u mill-pajjiżi msieħba tagħha fil-Mediterran. Il-membri huma rappreżentanti ta’ reġjuni u korpi lokali u għandhom mandat ta’ awtorità reġjonali jew lokali.
L-ARLEM hija ppreseduta minn kopresidenza li tirrappreżenta kemm lill-imsieħba Mediterranji kif ukoll lill-UE. Il-kopresident mill-grupp ta’ msieħba tal-Mediterran jiġi kkonfermat b’kunsens minn dan il-grupp għal perjodu ta’ sentejn u nofs.
Il-Bureau tal-ARLEM jiddefinixxi l-istrateġija tal-Assemblea u l-firxa ta’ attivitajiet.
Fi ħdan il-Kummissjoni għall-Iżvilupp Territorjali Sostenibbli, ir-relaturi tal-ARLEM ifasslu rapporti tematiċi dwar suġġetti li jirreferu għall-oqsma li ġejjin:
- id-deċentralizzazzjoni
- l-iżvilupp urban u territorjali
- il-kooperazzjoni kulturali
- is-soċjetà tal-informazzjoni
- il-migrazzjoni u l-integrazzjoni
- l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju
- il-kummerċ
- l-iżvilupp sostenibbli
- il-ġestjoni tal-ilma
- il-ġestjoni tal-iskart
- l-enerġija, b’mod partikolari l-enerġija solari
- it-trasport
- l-agrikoltura u t-turiżmu
- eċċ.