Id-demokrazija, it-terroriżmu u r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE fl-affarijiet esterni tal-UE diskussi fil-laqgħa tas-CIVEX.
Mill-2015 ’il hawn, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni żviluppa relazzjoni politika mill-qrib u dejjem aktar prattika mal-bliet Libjani. Ir-relazzjoni għandha l-għan doppju li tgħin fit-titjib tal-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet lokali Libjani biex jipprovdu servizz pubbliku aħjar u li tgħin lill-bliet Libjani jintegraw fil-komunità internazzjonali. Din is-sħubija hija reazzjoni għat-taqlib politiku u n-nuqqas ta’ sigurtà li l-Libja ilha tesperjenza sa mill-2011, u li naqqru s-servizzi muniċipali u żammew il-bliet Libjani iżolati fil-livell internazzjonali.
Fuq talba tal-muniċipalitajiet Libjani, f’Jannar 2016, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni beda jistabbilixxi sħubijiet għall-amministrazzjonijiet lokali tal-Libja, billi jqabbel it-talbiet tal-bliet Libjani ma’ offerti ta’ għarfien espert minn bliet u reġjuni tal-UE. L-għan huwa li jtejjeb ħajjet iċ-ċittadini Libjani billi jgħin lill-muniċipalitajiet jipprovdu servizzi aħjar f’firxa ta’ oqsma, mill-iżvilupp ekonomiku lokali sas-sikurezza ambjentali. L-inizjattiva hija wkoll kontribut minn isfel għal fuq – permezz tad-diplomazija tal-bliet – għall-istabbilizzazzjoni tal-Libja.
Fl-2021, l-Inizjattiva ta’ Nikosija daħlet f’fażi ġdida, billi nediet azzjonijiet ġodda intiżi biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-politiċi u l-impjegati taċ-ċivil lokali, u biex jippromovu l-iżvilupp soċjali, ekonomiku u istituzzjonali fil-livell lokali. Iffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea, il-proġetti Towards a new Multilevel Shared Approach for Libya Local governance (Lejn approċċ komuni ġdid b’diversi livelli għall-governanza lokali tal-Libja (TAMSALL), li ntemm fil-bidu tal-2024) u Research and Education Building Urban Institutions for Local Development (Istituzzjonijiet urbani involuti fil-bini tar-riċerka u l-edukazzjoni għall-iżvilupp lokali (REBUILD), li ntemm f’Mejju 2025) ippermettew kooperazzjoni kontinwa bejn l-imsieħba tal-UE u dawk Libjani u appoġġaw titjib ulterjuri tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni lokali. F’Settembru 2025, bħala kontinwazzjoni tal-proġett REBUILD, tnieda proġett ieħor li jiffoka fuq it-titjib tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-ilma fi 12-il muniċipalità Libjana, fi sħubija mal-Provinċja ta’ Trento, l-Università ta’ Trento u ċ-Ċentru għall-Kooperazzjoni Internazzjonali ta’ Trento: MUWALI – Municipal Upgrading of Water Systems for Local Impact (It-titjib fil-livell muniċipali tas-sistemi tal-ilma għal impatt lokali). Dawn il-proġetti wasslu għal bidla minn appoġġ inkrementali għal appoġġ ta’ natura aktar strutturali għall-Inizjattiva ta’ Nikosija.
L-Inizjattiva ta’ Nikosija issa hija rikonoxxuta bis-sħiħ bħala eżempju tal-aħjar prattika internazzjonali ta’ kooperazzjoni deċentralizzata f’kuntesti instabbli, kif dokumentat fi studju li sar mill-KtR f’Marzu 2026 dwar is-suġġett, li se jikkontribwixxi għall-Opinjoni tal-KtR dwar L-Importanza tal-Kooperazzjoni Deċentralizzata u d-Diplomazija tal-Bliet fl-Approċċ tal-UE għal kuntesti instabbli (relatur: Magali Altounian – FR/Renew Europe).
L-Inizjattiva ta’ Nikosija hija proċess minn isfel għal fuq li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ wieħed mill-eqreb u l-aktar ġirien instabbli tal-UE. L-involviment tal-KtR jirrifletti t-twemmin li d-diplomazija tal-bliet u d-diplomazija bejn il-pari jistgħu jagħtu kontribut ewlieni biex jiġu indirizzati l-isfidi internazzjonali fit-tul b’mod sostenibbli. Huwa wkoll konformi mal-istrateġija globali tal-UE u l-konvinzjoni li l-UE għandha taħseb f’termini globali u taġixxi fil-livell lokali.
Il-bliet Libjani li jipparteċipaw fil-proġetti inklużi fil-qafas tal-Inizjattiva ta’ Nikosija jinkludu:
L-għażla tal-muniċipalitajiet kienet ibbażata fuq kriterji bħar-rieda tas-sindki biex jegħlbu d-differenzi eżistenti u jaħdmu flimkien, l-inklużjoni tar-reġjuni kollha tal-pajjiż, il-potenzjal tal-muniċipalitajiet li jilħqu għadd usa’ ta’ territorji ġirien, u l-kapaċità u r-rieda tagħhom biex jistabbilixxu sħubijiet ta’ kooperazzjoni ma’ msieħba internazzjonali.
Is-Sindku ta’ Tripli, Ibrahim Eshible, u s-Sindku ta’ Zliten, Muftah Ahmadi, irrappreżentaw lis-sindki Libjani sal-2025 bħala osservaturi fl-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM). Il-biċċa l-kbira tal-membri Ewropej tal-ARLEM, li tlaqqa’ flimkien lill-politiċi u r-rappreżentanti politiċi mill-UE u r-reġjun tal-Mediterran, huma membri tal-KtR. B’segwitu għall-aħħar elezzjonijiet lokali li saru fil-Libja u d-dħul fis-seħħ tal-amministrazzjonijiet il-ġodda, bħalissa għaddejja l-proċedura biex jinħatru żewġ osservaturi ġodda.
Il-KtR jipprovdi s-segretarjat tal-ARLEM u tal-Inizjattiva ta’ Nikosija.
Bħala assemblea politika, il-KtR għandu l-għan li jgħin lill-bliet Libjani jintegraw fil-komunità internazzjonali u jibbenefikaw minn sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku mal-bliet u r-reġjuni tal-UE, b’tali mod li jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ żvilupp territorjali sostenibbli.
Mill-2011 ’il hawn, il-Libja għaddiet minn taqlib politiku fil-livell nazzjonali. Għalkemm sar ċertu progress matul is-snin, inkluża l-installazzjoni ta’ gvern ta’ unità nazzjonali, is-sitwazzjoni politika għadha instabbli ħafna. Il-kriżi affettwat is-saħħa, l-edukazzjoni, l-għajxien, u l-prospetti tal-popolazzjoni Libjana fil-pajjiż kollu. F’din is-sitwazzjoni diffiċli, ħafna amministrazzjonijiet lokali rnexxielhom jiggarantixxu l-kontinwità tas-servizzi bażiċi, għandhom mandat elettorali u jgawdu minn leġittimità popolari robusta. Matul il-kriżi, irnexxielhom jipprovdu ċertu livell ta’ stabbiltà għall-komunitajiet tagħhom.
Il-KtR għalhekk ikkonkluda li l-appoġġ għall-bliet tal-Libja huwa mod promettenti kif l-UE tista’ tgħin lill-pajjiż. Il-bliet u r-reġjuni tal-UE diġà wrew li għandhom l-esperjenza politika, il-kapaċità istituzzjonali u l-ħiliet tekniċi biex jgħinu lill-kontropartijiet tagħhom f’partijiet oħra tad-dinja. Permezz tal-Inizjattiva ta’ Nikosija, il-KtR għandu l-għan li jżid l-appoġġ għal-Libja f’oqsma identifikati bħala kritiċi mill-amministrazzjonijiet lokali tal-Libja.
Ir-reġjuni u l-bliet tal-UE pprovdew jew wegħdu appoġġ fl-oqsma li ġejjin:
Matul iż-żjarat ta’ studju fl-UE, l-esperti Libjani żaru faċilitajiet operazzjonali, ipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ ħidma, dibattiti u attivitajiet ta’ taħriġ, u nedew azzjonijiet ta’ kooperazzjoni aktar fit-tul mar-reġjuni u l-bliet tal-UE.
Il-KtR bħalissa qed jaħdem biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ proġetti addizzjonali fuq skala kbira li jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Libjani u tal-UE.