Poland
Hanna ZDANOWSKA
Membru
Mayor of the City of Łódź
Il-mexxejja lokali u reġjonali laqgħu l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed iżżid l-isforzi biex tindirizza l-faqar enerġetiku, issaħħaħ ir-reżiljenza enerġetika u twassal enerġija nadifa liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE, iżda jiddispjaċihom li l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Enerġija Affordabbli tal-Kummissjoni Ewropea huwa nieqes minn miżuri mfassla apposta għall-bliet u r-reġjuni u ma jqisx bis-sħiħ ir-rwol kruċjali tagħhom fit-tranżizzjoni tal-enerġija. L-Opinjoni mmexxija mis-Sindku ta’ Łódź Hanna Zdanowska (PL/PPE) ġiet adottata mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fl-10 ta’ Diċembru.
Il-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija jammontaw għal aktar minn 75 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE, li jfisser li d-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE hija essenzjali għall-miri klimatiċi tal-UE. Fl-istess ħin, l-ispejjeż għoljin tal-enerġija bħalissa jaffettwaw aktar minn 47 miljun Ewropew. L-Opinjonital-KtR tenfasizza li l-aċċess għal enerġija affordabbli, stabbli u nadifa huwa pedament tal-iżvilupp u l-koeżjoni ekonomiċi u soċjali, u li t-tranżizzjoni tal-enerġija trid issir b’mod kosteffiċjenti, teknoloġikament newtrali u soċjalment ġust.
Fost it-tensjonijiet ġeopolitiċi attwali, il-KtR jenfasizza li l-UE trid tissalvagwardja sorsi ta’ enerġija nadifa aċċessibbli, affidabbli u fil-biċċa l-kbira domestiċi u tiżgura li r-reġjuni jkunu indipendenti mill-enerġija u awtonomi f’każijiet ta’ qtugħ tal-provvista u interruzzjonijiet fil-provvista. Ir-reżiljenza tal-infrastruttura tal-enerġija trid tingħata prijorità kontra t-theddid militari possibbli u l-avvenimenti estremi tat-temp.
Ir-reġjuni u l-bliet ifakkru fir-rwol ċentrali tagħhom biex jipprovdu enerġija stabbli u affordabbli, jiżviluppaw infrastruttura tal-enerġija u jinvolvu lill-komunitajiet fit-tranżizzjoni. L-Opinjoni tħeġġeġ li jiġi żviluppat mudell ta’ governanza f’diversi livelli fejn il-bliet u r-reġjuni jaġixxu mhux biss bħala implimentaturi iżda wkoll bħala kodisinjaturi tal-politiki tal-enerġija tal-UE u nazzjonali. Dan jeħtieġ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu mgħammra bil-kompetenzi, il-ħiliet, ir-riżorsi u l-appoġġ immirat skont ir-restrizzjonijiet speċifiċi, il-lakuni fl-infrastruttura u d-disponibbiltà tar-riżorsi tagħhom. Il-KtR jemmen ukoll li għandu jkun involut fit-Task Force tal-Unjoni tal-Enerġija stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea aktar kmieni din is-sena.
Il-KtR iqis li t-tranżizzjoni tal-enerġija għandha tkun waħda mill-prijoritajiet fil-baġit pluriennali li jmiss tal-UE u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jibqgħu awtonomizzati bis-sħiħ fl-implimentazzjoni. Huwa jappella lill-Istati Membri biex jaġġustaw ir-regoli fiskali u baġitarji tagħhom sabiex l-investimenti fit-tranżizzjoni tal-enerġija fil-livell lokali u reġjonali jiġu eżentati jew trattati b’mod aktar flessibbli. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ġodda biex jiġi mobilizzat investiment privat sinifikanti u biex tingħata spinta lill-ħiliet tal-forza tax-xogħol għat-tranżizzjoni tal-enerġija.
Ir-relatur Zdanowska laqgħet il-preżentazzjoni tal-Pakkett Ewropew dwar il-Grilji fl-10 ta’ Diċembru, li miegħu l-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li timmodernizza l-infrastruttura tal-grilja Ewropea, tħaffef il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi u tiżgura diviżjoni aktar ġusta tal-ispejjeż fir-rigward ta’ proġetti transfruntiera. Il-KtR qed jistenna bil-ħerqa wkoll il-Pakkettdwar l-Enerġija taċ-Ċittadini li jmiss tal-KummissjoniEwropea, li qed jistenna li jagħti prijorità lill-iżvilupp ta’ komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u mudelli ta’ prosumaturi, jippromovi elettrifikazzjoni orjentata lejn il-konsumatur u jappoġġja l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni tar-reġjuni tal-faħam fi tranżizzjoni.
Meta jitqies li t-titjib meħtieġ fl-effiċjenza enerġetika u r-rinnovazzjonijiet tal-bini jaffettwaw b’mod sproporzjonat lill-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u foqra fl-enerġija, il-KtR jappella għal miżuri lokali mmirati bħal programmi ta’ rinnovazzjoni muniċipali, self b’imgħax żero, appoġġ għal proġetti tal-enerġija mmexxija mill-komunità u kooperattivi tal-akkomodazzjoni, tariffi soċjali u assistenza finanzjarja diretta.
L-Opinjoni tappella għal qafas vinkolanti tal-UE biex jitneħħew gradwalment is-sussidji diretti u indiretti kollha għall-fjuwils fossili, filwaqt li jiġu żgurati s-sigurtà, l-affordabbiltà u l-kompetittività tal-enerġija. Fl-istess ħin, iwissi li l-implimentazzjoni tal-ETS2 fil-forma attwali tagħha tirriskja li tiġġenera żieda qawwija fil-faqar enerġetiku u tista’ timmina l-fiduċja pubblika fil-politika dwar il-klima u fl-UE. Huwa jenfasizza wkoll li l-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2040, miftiehma fid-9 ta’ Diċembru,għandha tkun akkumpanjata mill-kundizzjonijiet abilitanti għaċ-ċittadini u l-industrija u trid tiġi segwita b’mod li jissalvagwardja l-kompetittività u l-istabbiltà fit-tul fl-UE.
Kwotazzjoni:
Ir-relatur Hanna Zdanowska (PL/PPE), Sindku tal-Belt ta’ Łódź: “L-ebda ċittadin fl-Ewropa ma għandu jinkwieta dwar jekk jistax isaħħan daru jew iżomm id-dwal mixgħula. Enerġija affordabbli, sigura u nadifa hija kundizzjoni bażika għad-dinjità, l-iżvilupp u l-koeżjoni soċjali. Meta niddiskutu t-tranżizzjoni tal-enerġija, għandna nikkunsidraw l-isfidi, l-opportunitajiet, il-ħtiġijiet u l-kuntesti soċjoekonomiċi nazzjonali, kif ukoll il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni. U aħna – il-gvernijiet lokali, iżda wkoll ir-residenti u n-negozji tagħna – qed niffaċċjaw ħafna sfidi f’din it-tranżizzjoni, minn riżorsi finanzjarji u organizzattivi limitati għal ostakli leġiżlattivi u burokratiċi.” ta’
Aktar informazzjoni:
Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Affordabbli ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fi Frar 2025 għandu l-għan li jnaqqas il-kostijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għan-negozji, jikkompleta l-Unjoni tal-Enerġija, isaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija u jattira l-investiment fis-settur tal-enerġija nadifa.
Fl-10 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-PakkettEwropew dwar il-Griljiu l-inizjattiva tal-Awtostradi tal-Enerġija. Il-Pakkett dwar il-Grilji għandu l-għan li jġib perspettiva verament Ewropea dwar l-ippjanar tal-infrastruttura, filwaqt li jaċċellera l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi u jiżgura diviżjoni aktar ġusta tal-kostijiet fir-rigward ta’ proġetti transfruntiera. Il-Kummissjoni ħabbret ukoll 8 Awtostradi tal-Enerġija biex tindirizza l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-infrastruttura li jeħtieġu appoġġ u impenn addizzjonali fuq terminu qasir għall-implimentazzjoni.
Studju reċenti tal-KtR dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija jipprovdi għarfien dettaljat dwar l-ostakli eżistenti u d-disparitajiet reġjonali fl-Istati Membri kollha fl-implimentazzjoni tad-direttivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Huwa jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċċjaw sfidi sinifikanti marbuta mar-riżorsi finanzjarji, il-kapaċità amministrattiva, l-involviment tal-komunità lokali, u l-allinjament regolatorju, b’disparitajiet sinifikanti bejn l-Istati Membri.
Kuntatt:
Lauri Ouvinen
Tel. +32 473536887
lauri.ouvinen@cor.europa.eu
Poland
Membru
Mayor of the City of Łódź