Drittijiet Fundamentali

Ir-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-livell lokali u reġjonali.

F’din il-paġna

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kruċjali fil-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. Bħala l-livell ta’ gvern l-eqreb taċ-ċittadini, dawn spiss ikunu l-ewwel li jidentifikaw u jirrispondu għall-isfidi tad-drittijiet tal-bniedem f’oqsma bħall-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, il-kura soċjali, u s-sigurtà pubblika. 

Ir-rwoli ewlenin tal-awtoritajiet lokali u reġjonali 

  • L-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell lokali: l-awtoritajiet lokali u reġjonali jsarrfu l-impenji dwar id-drittijiet tal-bniedem f’azzjoni konkreta billi jipprovdu servizzi pubbliċi essenzjali li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tar-residenti b’mod dirett. 
  • Il-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli: huma jippromovu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni billi jiżguraw l-aċċess għas-servizzi għal kulħadd, inklużi l-minoranzi, il-migranti, il-persuni b’diżabilità, u l-persuni mingħajr dar. 
  • Il-provvista ta’ rimedji aċċessibbli: l-awtoritajiet lokali jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmi indipendenti tal-ilmenti, bħall-ombudspersons, li jagħmluha aktar faċli għaċ-ċittadini biex jirrapportaw u jindirizzaw il-ksur tad-drittijiet. 
  • L-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini: l-awtoritjaiet lokali u reġjonali jissensibilizzaw dwar id-drittijiet fundamentali u jgħinu lin-nies jifhmhuhom u jitolbuhom. 
  • Appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni: il-gvernijiet lokali jrawmu djalogu miftuħ u sħubijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u joħolqu opportunitajiet għall-involviment taċ-ċittadini permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi, baġitjar parteċipattiv u forums lokali. 
  • Is-salvagwardja tad-demokrazija: l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jidentifikaw u jirrispondu għal theddid bħad-diżinformazzjoni jew l-interferenza fil-proċessi demokratiċi lokali, u jgħinu fil-protezzjoni tal-libertajiet tal-espressjoni, tal-informazzjoni u tal-parteċipazzjoni politika. 
  • Il-promozzjoni tal-edukazzjoni ċivika: l-awtoritajiet lokali u reġjonali jappoġġjaw inizjattivi li jħeġġu ċittadinanza infurmata u attiva, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ u l-gruppi vulnerabbli. 

F’dawn l-aħħar snin, ittieħdu għadd ta’ inizjattivi għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fil-livell lokali u reġjonali. Il-KtR stabbilixxa n-Network tal-Kunsilliera Lokali tal-UE biex iżid is-sjieda taċ-ċittadini tal-proġett Ewropew billi jinvolvi lill-politiċi eletti fil-livell lokali tagħhom. Il-Premju “Sindku Paweł Adamowicz”, stabbilit mill-KtR fi sħubija mal-Belt ta’ Gdańsk u n-Network Internazzjonali tal-Bliet ta’ Rifuġju (ICORN), ilu mill-2021 jippromovi valuri demokratiċi bħal-libertà tal-ħsieb, id-diversità u s-solidarjetà, il-ġlieda kontra l-ksenofobija u d-diskors ta’ mibegħda, u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs, l-integrazzjoni soċjali u d-drittijiet fundamentali.  

Diversi bliet bħal Barċellona, Gdańsk, Lund, Sopot u Vjenna qed isiru “Belt tad-Drittijiet tal-Bniedem” billi jimpenjaw ruħhom b’mod espliċitu favur il-Qafas tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għat-tisħiħ tad-drittijiet fil-livell lokali. Dawn il-bliet jinvolvu ruħhom b’mod attiv fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi u l-involviment ċiviku, u jintegraw il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem fl-aspetti kollha tal-governanza urbana. B’mod parallel, għadd dejjem jikber ta’ bliet kapitali Ewropej, bħal Barċellona, Vjenna u Cascais, qed jingħaqdu mal-inizjattiva “Kapitali Ewropea tad-Demokrazija”, u qed joħolqu opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni u l-iskambju demokratiċi, u qed janalizzaw forom ġodda ta’ demokrazija parteċipattiva u inklużiva. 

Kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)    

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tinkorpora fid-dritt primarju tal-UE firxa wiesgħa ta’ drittijiet fundamentali li jgawdu ċ-ċittadini u r-residenti tal-UE. Il-Karta tapplika għall-awtoritajiet tal-UE u tal-Istati Membri kull meta jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE.

Il-KtR stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali biex jissensibilizza lill-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-Karta u jappoġġja l-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fil-livell lokali. 

Mill-2009 ’il hawn, il-Kummissjoni CIVEX u l-FRA organizzaw Djalogu Annwali li jipprovdi opportunità biex jiġu diskussi kwistjonijiet b’rabta mad-drittijiet fundamentali ta’ rilevanza fil-livell reġjonali u lokali u jiġi kondiviż l-għarfien dwar il-prattiki tad-drittijiet fundamentali lokali u reġjonali fl-UE. Uħud mis-suġġetti indirizzati f’dawn id-Djalogi Annwali jinkludu: 

  • il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-intolleranza; 
  • il-protezzjoni u l-integrazzjoni tar-refuġjati u l-persuni spustati; 
  • il-protezzjoni tat-tfal; 
  • ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tisħiħ tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-UE.

Apparti d-Djalogu Annwali, il-KtR u l-FRA jikkooperaw permezz ta’ attivitajiet konġunti bħal sessjonijiet ta’ ħidma matul il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, taħriġ, preżentazzjonijiet tematiċi fil-laqgħat tal-Kummissjoni CIVEX, l-għoti ta’ kontribut mill-FRA għall-Opinjonijiet tal-KtR, l-għoti ta’ kontribut għall-konferenzi u l-avvenimenti rispettivi tal-KtR u tal-FRA, u l-promozzjoni tal-Opinjonijiet, studji, rapporti, settijiet ta’ għodod, u materjali ta’ taħriġ tal-KtR u tal-FRA. 

Riżorsi utli  

Opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE 

Proġetti ffinanzjati mill-UE  

  • RIGHTSCITIES — dan il-proġett jippromovi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fil-livell lokali permezz tal-operazzjonalizzazzjoni tal-Qafas tal-FRA għall-Bliet tad-Drittijiet tal-Bniedem (2024-2026) 
  • DeCIDE – Boosting democratic participation in cities to recharge democracy in Europe (DeCIDE – Spinta lill-parteċipazzjoni demokratika fil-bliet biex tiġi ċċarġjata mill-ġdid id-demokrazija fl-Ewropa) (2025-2027) 
  • FOCUS – Il-promozzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fl-azzjoni lokali (2024-2025)