France
Isabelle BOUDINEAU
Membru
Member of the Regional Council of Nouvelle-Aquitaine
L-Ewropa għandha sserraħ fuq Politika ta’ Koeżjoni aktar b’saħħitha u mġedda biex tkun adattata għall-futur. B’Opinjoni adottata b’unanimità fis-sessjoni plenarja tal-14 ta’ Mejju, il-mexxejja lokali u reġjonali ddeskrivew kif il-Politika ta’ Koeżjoni għandha tiġi mmodernizzata wara l-2027 biex jinkisbu riformi li huma marbuta mal-kompetenzi u l-ħtiġijiet territorjali. Huma appellaw għal riforma tas-Semestru Ewropew lejn approċċ territorjali pluriennali u enfasizzaw li l-Politika ta’ Koeżjoni għandu jkompli jkollha r-reġjuni fil-qalba tagħha.
Il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) huma mħassba ħafna dwar il-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea ta’ kull Stat Membru li jkollu pjan nazzjonali uniku għall-investiment tal-UE li jorbot ir-riformi ewlenin mal-investimenti. Huma ssottolinjaw li huwa essenzjali li l-programmi reġjonali jinżammu bħala strumenti ewlenin biex jitwasslu l-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni, peress li l-approċċ lokali huwa l-aktar adattat biex jiġu identifikati l-isfidi u l-ħtiġijiet speċifiċi għal kull reġjun. Il-messaġġ huwa inkluż f’Opinjoni abbozzata minn Isabelle Boudineau (FR/PSE), membru tal-Kunsill tar-Reġjun Franċiż Nouvelle-Aquitaine, fuq talba tal-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-UE. It-test ġie adottat fil-plenarja tal-KtR wara skambju ma’ Jacek Protas (PL/PPE), Membru tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament Ewropew u relatur tar-riżoluzzjoni adottata reċentement dwar id-9 Rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Rappreżentant tal-Presidenza Pollakka ngħaqad ukoll fid-dibattitu. Il-ġimgħa d-dieħla s-Sinjura Boudineau se tkun f’Wasaw – flimkien mal-President tal-KtR Kata Tüttő – biex tattendi l-laqgħa informali tal-ministri Ewropej responsabbli għall-politika ta’ koeżjoni u tippreżenta l-kontenut tal-Opinjoni adottata.
Il-Politika ta’ Koeżjoni bħala mutur ewlieni għall-kisba tal-objettivi u r-riformi tal-UE
Il-mexxejja lokali u reġjonali appellaw għal Semestru Ewropew modernizzat, li jista’ jipprovdi qafas komprensiv biex jiggwida programmazzjoni u implimentazzjoni effettivi tal-Politika ta’ Koeżjoni filwaqt li jiskatta r-riformi. Għalkemm ir-rabta bejn il-Politika ta’ Koeżjoni u s-Semestru Ewropew diġà ssaħħet għall-perjodu 2021-27, huma argumentaw li ż-żewġ strumenti għadhom mhumiex konsistenti ma’ xulxin: l-ewwel wieħed huwa ċiklu ta’ politika annwali bbażat fuq djalogu bejn il-Kummissjoni u l-gvernijiet nazzjonali, filwaqt li t-tieni wieħed huwa bbażat fuq programmazzjoni pluriennali u governanza f’diversi livelli.
Għalhekk, il-Kumitat ippropona li s-Semestru Ewropew għandu jkun parti minn approċċ strateġiku pluriennali, bl-awtoritajiet lokali u reġjonali involuti (aktar milli sempliċement ikkonsultati) fl-abbozzar tar-rapporti tal-pajjiżi u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Dan jista’ jippermetti li fil-programmi reġjonali jiġu inklużi miri u stadji importanti għal riformi ta’ governanza marbuta, pereżempju, mal-kapaċità amministrattiva jew il-produzzjoni ta’ statistika sottonazzjonali.
Fir-rigward tal-introduzzjoni possibbli ta’ sistema ta’ pagament ibbażata fuq ir-riżultati u mhux fuq ir-rimborż tal-ispejjeż, kif inhu l-każ għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-awtoritajiet lokali u reġjonali rrikonoxxew il-benefiċċji potenzjali ta’ tali sistema f’termini ta’ semplifikazzjoni, iżda indikaw xi kritika bħall-fatt li approċċ aktar orjentat lejn ir-riżultati jirrikjedi ġbir aħjar tad-data.
Kwotazzjoni
Isabelle Boudineau (FR/PSE), Membru tal-Kunsill tar-Reġjun Franċiż Nouvelle-Aquitaine: “Il-Politikata’Koeżjoni hija mutur ewlieni għat-trasformazzjoni tar-reġjuni tagħna. Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tas-sħubija li fuqhom hija bbażata jagħtu lir-reġjuni tal-Ewropa l-opportunità li jimplimentaw il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea billi jadattawhom għal karatteristiċi territorjali speċifiċi. Din il-politika trid tkompli tiġi żviluppata, ġestita u implimentata fil-livell reġjonali, inkella l-proġett Ewropew innifsu jkun mhedded.”
Il-kuntest
Fil-15 ta’ Mejju, il-plenarja tal-KtR se tivvota dwar żewġ riżoluzzjonijiet urġenti dwar il-baġit fit-tul li jmiss tal-Unjoni Ewropea u r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni 2021-27. L-istqarrijiet għall-istampa se jiġu ppubblikati fit-taqsima ddedikata tas-sit web tal-KtR.
Matul is-sessjoni plenarja tal-20-21 ta’ Novembru 2024, il-KtR adotta pakkett ta’ Opinjonijiet li jiddefinixxu l-elementi kostitwenti tal-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2027. Stqarrija għall-istampa.
Il-Politika ta’ Koeżjoni b’valur ta’ kważi EUR 370 biljun ta’ fondi tal-UE fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali 2021-2027, jew terz tal-baġit fit-tul tal-UE.
Il-Kuntatt
Matteo Miglietta
Tel. +32 470895382
Matteo.Miglietta@cor.europa.eu
France
Membru
Member of the Regional Council of Nouvelle-Aquitaine
Hungary
Membru
Member of the General Assembly of Budapest Capital