Luxembourg
Stephen De RON
Sostitut/a
Councillor of the Municipality of Hesperange
L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma minn tal-ewwel li jidentifikaw theddid possibbli għall-istat tad-dritt fi stadju bikri u fl-implimentazzjoni tal-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-prattika. Għalhekk, huwa kruċjali li dawn jiġu integrati kif xieraq fis-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ twissija u ma jiġux ippenalizzati għal ksur imwettaq mill-gvernijiet nazzjonali. Dawn huma l-messaġġi ewlenin tal-Opinjoni li tfasslet minn Stephen De Ron (LU/Ħodor), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Hesperange, u ġiet adottata mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) fit-2 ta’ April.
Ir-reġjuni u l-bliet jargumentaw li l-Kummissjoni Ewropea għandha tintegra aħjar l-opinjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rapport annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt. Bis-saħħa tal-prossimità tagħhom maċ-ċittadini u r-responsabbiltà tagħhom għat-twassil tas-servizzi pubbliċi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaġixxu bħala gwardjani tad-demokrazija u jistgħu jidentifikaw sinjali ta’ twissija bikrija ta’ ksur tal-istat tad-dritt. Madankollu, l-Opinjoni tal-KtR tindika li dawn għadhom jiffaċċjaw restrizzjonijiet baġitarji u istituzzjonali li jistgħu jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jaġixxu.
Il-KtR jenfasizza li l-fondi Ewropej għandhom jibqgħu lieva għall-istabbiltà demokratika u għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, u jitlob li jiġu applikati kriterji stretti u trasparenti ta’ kundizzjonalità baġitarja. Madankollu, ifakkar li l-awtoritajiet reġjonali u lokali mhumiex responsabbli għal ksur imwettaq fil-livell nazzjonali u jħeġġeġ biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligu li jimplimentaw kwalunkwe programm affettwat mis-sospensjoni tal-finanzjament tal-UE. F’dan ir-rigward, jissuġġerixxi li jinħolqu għodod ta’ rappurtar għall-benefiċjarji fil-livell reġjonali u lokali, u jistieden lill-Kummissjoni tniedi analiżi tal-mekkaniżmi eżistenti ta’ allokazzjoni finanzjarja biex tiżgura li l-finanzjament jibqa’ aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali u l-atturi tas-soċjetà ċivili li jirrispettaw bis-sħiħ il-valuri tal-UE.
Sabiex jiġi żgurat li l-prinċipji tal-istat tad-dritt jiġu integrati fl-oqfsa ta’ politika kollha tal-UE, ir-reġjuni u l-bliet jindikaw l-importanza tal-involviment sħiħ tagħhom mill-istadju tat-tfassil tal-politika, fl-istabbiliment tal-prijoritajiet u fl-antiċipazzjoni tar-restrizzjonijiet regolatorji. Barra minn hekk, il-KtR jissuġġerixxi t-twaqqif ta’ “Djalogi Lokali dwar l-Istat tad-Dritt” biex jiġu diskussi l-libertà tal-istampa, l-indipendenza tal-korpi ta’ sorveljanza u t-trasparenza amministrattiva, u jappella biex jiġi pprovdut appoġġ immirat lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jiżguraw li l-prinċipji demokratiċi fil-fatt jiġu segwiti minkejja diversi pressjonijiet, inkluża żieda inkwetanti fl-interferenza esterna. Hemm ukoll il-ħtieġa li jsir aktar investiment fis-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ għar-rappreżentanti eletti, il-persunal amministrattiv, il-ġudikatura u l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi.
Kwotazzjoni:
Relatur Stephen De Ron (LU/Ħodor), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Hesperange: “Meta l-pedamenti tad-demokrazija tagħna jiġu mhedda, irridu nieħdu azzjoni. Mingħajr l-istat tad-dritt, il-fiduċja u l-ġustizzja jintilfu. Jekk nonqsu milli naġixxu issa, nirriskjaw dak kollu li ngħożżu."
Luxembourg
Sostitut/a
Councillor of the Municipality of Hesperange