Romania
Emil BOC
Membru
Mayor of Cluj-Napoca Municipality, Cluj County
L-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi tadotta d-Dikjarazzjoni ta’ Bilbao, li tiffoka fuq ir-rwol tal-Att dwar l-Aċċelleratur Industrijali biex tappoġġja tranżizzjoni kompetittiva nadifa.
Fis-27 ta’ Mejju, ir-reġjuni awtomobilistiċi ewlenin tal-Ewropa ffirmaw f’Bilbao pożizzjoni politika konġunta dwar iż-żewġ fajls li se jsawru l-futur immedjat tas-settur: l-Att dwar l-Aċċelleratur Industrijali u l-Pakkett dwar il-Karozzi. Il-41 reġjun tal-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi jappoġġjaw l-approċċ “Made in EU” bħala lieva biex jissaħħu l-ktajjen tal-valur Ewropej, jappellaw għal rwol ċentrali għar-reġjuni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrumenti industrijali Ewropej, u jippromovu approċċ realistiku miftuħ għat-teknoloġija għad-dekarbonizzazzjoni li jirrikonoxxi r-rwol tal-elettrifikazzjoni, il-materjali b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, il-batteriji avvanzati, l-idroġenu u l-fjuwils rinnovabbli sostenibbli.
Id-Dikjarazzjoni ta’ Bilbao hija l-ewwel pożizzjoni politika konġunta tar-reġjuni awtomobilistiċi ewlenin tal-Ewropa dwar l-Att dwar l-Aċċelleratur Industrijali, ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fl-4 ta’ Marzu 2026, u dwar il-Pakkett dwar il-Karozzi, adottat fis-16 ta’ Diċembru 2025. L-ARA tqis l-Att dwar l-Aċċelleratur Industrijali bħala strument ewlieni biex jissaħħu l-ktajjen tal-valur Ewropej, jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi u tiġi appoġġata l-kompetittività fit-tul tal-ekosistemi awtomobilistiċi madwar l-Unjoni.
Id-Dikjarazzjoni tappoġġa, essenzjalment, l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti “Made in EU”, dment li jkunu mmirati, proporzjonati u robusti, joffru ċertezza legali, jevitaw piżijiet żejda fuq l-SMEs u l-ktajjen tal-provvista reġjonali, u jibqgħu kompatibbli mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni. Ir-reġjuni tal-Alleanza jenfasizzaw li l-Att dwar l-Aċċelleratur Industrijali se jagħti l-potenzjal sħiħ tiegħu biss jekk ikun koerenti mal-Pakkett dwar il-Karozzi, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Karozzi u l-qafas regolatorju usa’, u jappellaw għal valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni tal-Pakkett dwar il-Karozzi u l-interazzjoni tiegħu mal-Att dwar l-Aċċelleratur Industrijali, biex jiġi żgurat li l-qafas ġenerali jibqa’ adattat għall-iskop tiegħu.
Dwar id-dimensjoni teknoloġika tat-tranżizzjoni, l-ARA tafferma mill-ġdid il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika bħala kriterju ta’ gwida għall-miżuri regolatorji. L-Alleanza tappoġġa l-inizjattiva Ewropea dwar vetturi elettriċi żgħar u affordabbli bħala lieva biex il-mobbiltà b’emissjonijiet żero tkun tista’ tintlaħaq miċ-ċittadini Ewropej kollha, filwaqt li tenfasizza li l-appoġġ għat-tranżizzjoni jenħtieġ li ma jkunx ibbażat esklużivament fuq din l-inizjattiva, u b’hekk tiġi ppreservata l-kapaċità tal-manifatturi li joffru portafoll ta’ vetturi varjat u xprunat mid-domanda. Id-Dikjarazzjoni tappella wkoll għal valutazzjoni, qabel l-2035, tar-rwol u l-effettività tal-fjuwils rinnovabbli sostenibbli, inklużi l-bijofjuwils, f’konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika u l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050.
Messaġġ ċentrali tad-Dikjarazzjoni ta’ Bilbao huwa s-sejħa biex ir-reġjuni jaqdu rwol ewlieni fiċ-ċiklu sħiħ tal-politika industrijali Ewropea — mit-tfassil taż-żoni ta’ aċċellerazzjoni sal-użu territorjali tal-akkwist pubbliku u l-iskemi ta’ appoġġ u l-monitoraġġ tal-impatti fuq il-ktajjen tal-provvista, l-SMEs u l-ekonomiji reġjonali. Ir-reġjuni mhumiex atturi tal-implimentazzjoni: huma l-livell ta’ gvern l-eqreb għall-fabbriki, il-fornituri u l-ħaddiema li jmexxu t-tranżizzjoni. F’dan il-kuntest, id-Dikjarazzjoni tappella wkoll għall-kodisinn u l-koimplimentazzjoni tal-istrumenti industrijali u ta’ investiment Ewropej flimkien mar-reġjuni awtomobilistiċi, u tissottolinja l-importanza strateġika tat-talent, filwaqt li tappoġġa l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali għal Impjiegi ta’ Kwalità u l-Att dwar l-Impjiegi ta’ Kwalità li jmiss, u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala kriterju strutturali fil-politiki tax-xogħol tas-settur.
Kwotazzjonijiet:
Brigitte Torloting, Viċi President tar-Reġjun tal-Grand-Est (Franza), President tal-ARA: “Iż-żieda fl-ispejjeż, it-tnaqqis fil-produzzjoni, u t-telf ta’ impjiegi b’ħiliet speċjalizzati fl-Ewropa qed jaffettwaw bosta ktajjen tal-valur. Illum, qed niffaċċjaw l-isfida kritika li niżguraw il-kundizzjonijiet ekonomiċi u industrijali meħtieġa għall-irkupru tas-settur awtomobilistiku Ewropew. Prijorità ewlenija tibqa’ l-istabbilizzazzjoni tal-ambjent ekonomiku għan-negozji u l-għoti ta’ qafas ċar biex jiġu indirizzati l-isfidi urġenti tal-kompetittività. L-Unjoni Ewropea trid tgħammar lilha nnifisha b’mod urġenti bi strumenti b’saħħithom, bħala “preferenza Ewropea”, biex tissalvagwardja l-bażi industrijali tagħha.”
Mikel Jauregi, Ministru għall-Industrija, it-Tranżizzjoni tal-Enerġija u s-Sostenibbiltà tal-Gvern Bask: “Illum, f’Bilbao, ir-reġjuni awtomobilistiċi ewlenin tal-Ewropa jieħdu impenn doppju; aħna ninsabu fuq quddiem nett bħala l-bażi industrijali tal-Ewropa filwaqt li nemmnu f’Ewropa miftuħa. Aħna nilqgħu sħubijiet barranin f’kundizzjonijiet ekwi. Id-Dikjarazzjoni ta’ Bilbao tirrikonoxxi li t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tas-settur tirnexxi biss jekk issaħħaħ, aktar milli ddgħajjef, il-bażi industrijali Ewropea, u jekk ir-reġjuni jiġu rikonoxxuti bħala atturi ta’ tmexxija, mhux biss tal-implimentazzjoni”.
Emil Boc (RO/PPE), Sindku ta’ Cluj-Napoca u l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni għall-Politika ta’ Koeżjoni Territorjali u l-Baġit tal-UE (COTER): “Jekk kienet meħtieġa xi prova, il-kriżi attwali tal-enerġija turi l-ħtieġa li jiġu aċċellerati l-elettrifikazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE u li jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi. Fl-istess ħin, l-Ewropa trid tiżgura li l-ebda reġjun ma jitħalla jibqa’ lura fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Is-settur tal-karozzi jipprovdi impjiegi diretti u indiretti lil 13.8 miljun Ewropew u huwa s-sors ewlieni ta’ impjiegi f’ħafna reġjuni madwar l-Ewropa. L-UE trid tisma’ t-tħassib ta’ dawn ir-reġjuni, kif ukoll tkompli tipprovdi appoġġ immirat għal tranżizzjonijiet ġusti fil-baġit fit-tul li jmiss tal-UE."
María Chivite (ES/PSE), President ta’ Navarra u relatur tal-KtR dwar il-Pakkett tal-Karozzi tal-UE: “L-iżviluppi ġeopolitiċi reċenti jikkonfermaw dan: it-tranżizzjoni elettrika trid tkun rapida u deċiżiva biex jiġu żgurati s-sovranità u l-kompetittività tal-industrija tagħna. Flessibbiltà tul it-triq, iva iżda bl-2035 bħala orizzont ċar. Il-Kummissjoni Ewropea diġà pprovdiet l-għodod: Magħmul fl-Ewropa, karozzi elettriċi affordabbli, u strateġija għall-batteriji. Madankollu, is-suċċess tagħhom jiddependi fuq politiki li jiffukaw fuq ir-reġjuni bl-ekosistemi tal-innovazzjoni tagħhom, l-uniċi li kapaċi jbiddlu dawn l-għanijiet f’realtà.”
Aktar informazzjoni:
Kuntatt:
Lauri Ouvinen
Tel. +32 473536887
lauri.ouvinen@cor.europa.eu
Romania
Membru
Mayor of Cluj-Napoca Municipality, Cluj County
Belgium
Membru
Member of the Municipal Council of the City of Marche-En-Famenne